Saturday, November 16, 2024

Malta tegħleb lil-Latvja wara l-għoti tal-penalties

Aqra wkoll

Fl-ewwel logħba tal-UEFA Development Tournament ta’ din is-sena, wara draw ta’ 1-1, it-tim nazzjonali Malti tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena għeleb lil dak tal-Latvja bl-iskor ta’ 4-3 wara l-għoti tal-penalties.

Iż-żewġ timijiet ipproduċew partita mill-isbaħ b’ħafna opportunitajiet ta’ skor għal kull naħa.

Immexxija minn Kathleen Saliba, Malta kellha l-membri tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena, Francesca Bartolo, Kaysia Micallef u Lexine Farrugia – captain, fil-formazzjoni inizjali.

Min-naħa l-oħra, l-iskwadra tal-Latvja kienet komposta prinċipalment minn plejers li jilagħbu fil-kampjonat lokali u wkoll żewġ plejers li jilagħbu fl-Istati Uniti.

It-tfajliet Maltingħamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mill-bidu meta Lexine Farrugia ittantat xortiha mill-bogħod iżda ġiet miċħuda mill-goalkeeper tal-Latvja.

Il-player ta’ Raiders Lija reġgħet ittantat xortiha b’xutt ieħor iżda din id-darba l-isforz tagħha għadda sbrixx minn fuq il-lasta.

Francesca Bartolo, li ġiet utilizzata bħala difensur xellugija f’din il-logħba, ukoll ippruvat tissorprendi lill-goalkeeper tal-Latvja iżda x-xutt tagħha għadda barra.

Malta baqgħet tegħleb il-pressjoni u l-midfielder Ema Micallef ġiegħlet lill-goalkeeper Latvjana tidħol fl-azzjoni b’xutt ieħor minn barra l-kaxxa.

L-ewwel ċans tal-Latvja fl-ewwel 45 minuta wasal permezz ta’ Paula Dzene iżda l-freekick tagħha ma kienx biżżejjed biex jegħleb lil Erika Muscat.

Eżatt qabel il-mistrieħ, il-Latvja resqu viċin li jiskurjaw darbtejn permezz ta’ Uma Upita li x-xutt tagħha mill-viċin għadda barra, qabel ma Dzene mpenjat lil Muscat b’ xutt mill-bogħod.

Fil-mistrieħ, Malta għamlet bidla waħda bl-istilla tal-Assikura Women’s League Sara Saliba tieħu post Lara May Azzopardi bil-flokk numru 9.

Il-Latvja ħolqot l-ewwel periklu permezz ta’ Dzene li kellha xġxutt tagħha salvat minn Muscat.

In-nazzjon Baltiku rreġistra attakk ieħor wara s-siegħa logħob permezz ta’ Kassandra Dzene iżda l-freekick tagħha għadda barra.

Mumenti wara, iżda, kienet Dzene stess li fetħet l-iskor permezz ta’ xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa li għeleb lil Muscat.

Malta wettqet reazzjoni perfetta meta Sara Saliba għelbet lill-plajer avversarja qabel ma qabżet il-ballun minn fuq il-goalkeeper tal-Latvja.

Bl-iskor jibqa’ ma jinbidilix sa tmiem il-ħin regolamentari, il-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalties biex jiġi determinat it-tim rebbieħ.

Farrugia, Saliba, Bartolo u Ylenia Azzopardi kollha rnexxielhom jikkonvertu l-penalties tagħhom bil-goalkeeper Muscat tiċħad darbtejn lill-Latvja finalment, malta ħarġet rebbieħa.

Malta se terġa’ lura għall-azzjoni nhar il-Ġimgħa meta tospita lis-Slovakkja fit-tieni logħba minn dan it-tournament.

MALTA: E. Muscat; L. Azzopardi (S. Saliba 46), F. Bartolo, L. Farrugia, A. Micallef, E. Micallef (N. Attard 66), K. Micallef (Y. Azzopardi 79), T. Scicluna, A. Vassallo (S. Francalanza 57), N. Celeste (L. Calleja 79), L. Frendo (I. Abela 66) Coach: Kathleen Saliba

LATVJA: K. Ustinenkova; G. Andersone (S. Laskova 71), K. Dzene, K. Garanca (M. Zalite 61), N. Pincuka (H. Reinfelde 61), P. Dzene (S. Zalite 79), U. Upite (R. Baltrusaite 61), K. Ruja, M. Klementjeva, A. Prymak, L. Steinberga (71 L. Zelve) Coach: Rihard Gorkss

Ekonomija

Sport