Lussemburgu ……0
Malta ………………1
F’partita ta’ ħbiberija li serviet bħala preparazzjoni għaż-żewġ logħbiet mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, kontra l-Ingilterra u l-Ukrajna, Malta għelbet lil Lussemburgu bl-iskor ta’ 1-0.
Kienet rebħa li mmaturat fit-tieni taqsima fejn il-Maltin tjiebu b’logħob meqjus u intelliġenti biex saħansitra wasal il-goal rebbieħ.
Peró wieħed irid jistqarr ukoll li l-Maltin ħassew in-nuqqas tal-midfielder Teddy Teuma – il-metronomu tat-team li jorkestra l-kostruzzjoni offensiva.
Fl-ewwel taqsima, il-Lussemburgu kienu territorjalment aħjar u ddettaw il-logħob fejn xeħtu lill- Maltin jiddefendu għal ħinijiet twal bi pressjoni kontinwa … bil-Maltin joperaw bil-kontrattakki li fil-veritá kienu ftit.
Appena għaddew ħames minuti, ersaqna viċin meta free-kick insidjuż ta’ Jordi Jones ħoloq paniku fid-difiża avversarja iżda b’xi mod ġie mbiegħed il-periklu.
Ir-reazzjoni kienet waħda mmedjata b’kanunata ta’ Gerson Rodrigues iżda daqstant kien tajjeb il-goalkeeper Malti, Henry Bonello, li b’titjira spettakolari dawwar f’corner.
Fit-12-il minuta, Yannick Yankam seta’ kkonkluda aħjar meta mill-cross ta’ Joseph Mbong ipprova xutt b’akrobazija minn tarf il-kaxxa ż-żgħira iżda xeħet ferm għoli.
Fl-20 minuta, Christopher Martins kien għoddu fetaħ l-iskor għal Lussemburgu iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet newtralizzata f’corner.
Fis-36 minuta, l-avversarji ngħataw free-kick stramb li minn tarf il-kaxxa Rodrigues venven free-kick li stampa mal-mimduda b’Bonello megħlub għal kollox.
It-tieni taqsima fetħet b’Gerson isib l-ispazju iżda minn qagħda ideali falla l-mira.
Fis-56 minuta, Jordi Jones sab lill-goalkeeper sostitut, Thiago Cardoso, attent li xeħet f’corner … u mill-istess corner dirett Matthew Guillaumier kien sfortunat meta laqat sieq il-lasta.
Fit-63 minuta l-istess goalkeeper xeħet f’corner mill-free-kick ta’ Jones … iżda mill-istess corner ma seta’ jagħmel xejn meta ġie megħlub minn daqqa ta’ ras stupenda ta’ Kyrian Nwoko minn qagħda angolata fejn kien issikkat ukoll minn Maxime Chanot.
LUSSEMBURGU: 1-Ralph Schon (12-Thiago Cardoso 46), 2-Maxime Chanot (22-Fabio Lohel 65), 4-Florian Bohnertm (21-David Jonathans 87), 6-Yvandro Borges Sanches (14-Dejvid Sinani 72), 8-Christoper Martins Pereira (15-Eldin Dzogovic 74), 10-Gerson Rodrigues, 13-Dirk Carlson, 16-Leandro Barreiro 18-Laurent Jans, 19-Mathias Olesen, 20-Timothe Rupil (5-Alessio Curci 65) – Coach: Luc Holtz
MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong (15-Juan Corbolan 76), 8-Jake Grech (19-Bjorn Kristensen 46), 9-Luke Montebello (24-Kyrian Nwoko 46), 11-Jordi Jones, 20-Yannick Yankam, 22-Zach Muscat, 26-Ferdinando Apap (23-Jean Borg 82) – Coach: Michele Marcolini
REFEREE: Eldorjan Hamiti (Albanija)
ASS. REFEREES: Ilir Tartaraj, Rejdi Avdo (Albanija)
RABA’ UFF: Jeremy Muller (Lussemburgu)
SKORER: K. Nwoko 64 (M)
AMMONITI: J. Grech, S. Borg, Z. Muscat (M); T. Rupil, L. Barreiro, A. Curci (L)