Tuesday, December 24, 2024

Malta teħtieġ mudell ekonomiku li ma jibqax jipprijoritizza l-kostruzzjoni iżda li jibda jħaddem mezzi ġodd ta’ tkabbir

Analiżi tal-aspett ekonomiku tal-Budget 2025

Aqra wkoll

Aġenziji ta’ kreditu internazzjonali inkluż Fitch u DBRS f’dawn l-aħħar xhur ikkonfermaw ir-rating ta’ Malta fil-livell ‘A+’ bi prospetti stabbli. Din il-marka hija riżultat tad-dħul għoli medju u rata għolja ta’ tkabbir fost oħrajn. Rating li fuq kollox jikkonferma l-istabbiltà ekonomika ta’ pajjiżna kif ukoll iservi ta’ bażi soda biex il-gvern jista’ jħares bi prospettiva lejn il-pass li jmiss biex l-ekonomija lokali tibqa’ tissaħħaħ fis-sena 2025. Bażi li fuqu l-gvern bena l-budget li jmiss. 

Budget li kif imsemmi fil-Pre Budget Document 2025 se jkun qiegħed jara li jikkonsolida dawk li sal-lum iffurmaw il-pilastri prinċipali tal-ekonomija Maltija. Dawn jinkludu s-settur tal-kostruzzjoni, it-turizmu, is-settur finanzjarju, kif ukoll is-settur tal-gaming. Setturi li sal-lum servew ta’ lubrifikant għall-ekonomija imma li, għal bosta raġunijiet, id-dipendenza fuqhom m’għadhiex sostenibbli. 

M’għadhiex għal bosta raġunijiet inkluż kif kien tenna l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana ftit ta’ żmien ilu li Malta teħtieġ mudell ekonomiku li ma jibqax jipprijoritizza l-kostruzzjoni iżda li jibda jħaddem mezzi ġodda ta’ tkabbir mingħajr ma jkompli jinqered l-ambjent. M’għadhiex sostenibbli għax il-mudell ekonomiku ta’ pajjizna għadu dipendenti ħafna fuq is-settur turistiku. M’għadux sostenibbli konsegwenza tal-sfidi li qiegħed jiffaċċja pajjiżna fis-settur finanzjarju. 

Filwaqt li jfaħħar l-stabbliltà ekonomika ta’ pajjiżna, ir-rapport tal-agenzija internazzjonali DBRS jirrimarka l-fatt li Malta fil-futur jista’ jkollha pressjoni fuq tasazzjoni korporativa u fuq il-programm taċ-ċittadinanza. 

Għaldaqstant, il-Pre Budget Document 2025 jenfasizza fuq il-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni u jelenka setturi fejn pajjiżna għandu jiffoka primarjament fid-dinja diġitali u innovattiva, il-green technology kif ukoll l-enerġija rinovabbli. Setturi fejn Malta ċertament għandha l-potenzjal teċċella. Wieħed jistenna incentivi biex operaturi lokali jinvestu f’dawn is-setturi kif ukoll jinċentivaw l-investiment barrani. 

Investiment barrani li skond L-EY Attractiveness Report 2023 jindika kunfidenza ta’ aktar minin 59% minn kumpaniji barranin li qegħdin joperaw f’Malta. Kunfidenza li għalkemm pożittiva, għadha ‘l boghod mill-figuri rrapportati fis-snin li ppreċedew il-pandemija tal-Covid-19. Investiment barrani li sal-lum, skond statistika ppublikata mill-NSO, għadu ffokat primarjament fis-setturi tat-trasport, tal-akkomodazzjoni u tal-propjetà. 

Inċentivi li wieħed jistenna li se jkomplu jinċentivaw niċeċ emerġenti għall-ekonomija lokali inkluż l-avjazzjoni. Inċentivi li jinċentivaw anke settur importanti bħal dak tal-manifattura. Settur li għad għandu x’joffri mingħajr ma nerġgħu nivvintaw ir-rota imma niffokaw fejk hemm bżonn fuq l-atomazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali. Irrispettivament mill-inċentivi li l-gvern se jħabbar, fattur importanti biex l-investiment barrani jista’ jkompli jimrah, tibqa’ l-flessibbiltà  tal-banek lokali. 

Il-proċess ta’ kkonsolidar ta’ niċeċ ekonomici Maltin, kif ukoll id-diversifikazzjoni, se tibqa’ dipendenti fuq ir-riżorsi umani. Sfida rikorrenti li l-gvern beda jindirizza u jirregolarizza bl-introduzzjoni tal-iskills card kif ukoll l-impjieg tat-TCNs. 

Però, il-punt kruċjali jibqa’ l-edukazzjoni fejn il-gvern mistenni jkompli jinvesti biex isaħħaħ l-influss tat-talent lokali. Investiment li kif imsemmi fil-Pre Budget Document se jimxi pari passu mal-istrateġija tal-Edukazzjoni 2024-2030. Investiment li se jkompli jinċentiva t-tagħlim u t-taħriġ permezz ta’ skemi u fondi, permezz tal-edukazzjoni diġitali u permezz ta’ investiment fi strutturi edukattivi. Miżuri importanti li wieħed jittama li se jikkontribwixxu għal aktar talent lokali mmirat fejn hemm id-domanda kif ukoll fejn il-gvern qiegħed iħares biex l-ekonomija lokali tkompli tespandi.  

Budget li fl-intjier tiegħu jidher li se jkun pożittiv billi jiffoka fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija. Pass importanti li però jrid jiġi sostnut b’azzjonijiet konkreti fl-immedjat u wisq aktar fit-tul. Pass importanti li wieħed jittama se jkun sostnut b’miżuri u inċentivi edukattivi li jistimolaw aktar talent lejn n-niċeċ immirati. Pass importanti li wieħed jittama li se jkun qiegħed jieħu f’konsiderazzjoni wkoll tal-flessibbiltà tal-istrutturi finanzjarji, bankarji u regolatorji. 

Ekonomija

Sport