Jidher ċar li n-nies f’Malta (kemm Maltin u barranin) qed iħossuhom dejjem aktar sodisfatti. Iżda minkejja dan il-progress, il-Maltin qed iħossuhom aktar nervużi, qed jaffaċċjaw pressjoni bil-ħin, kif ukoll stress relatat mal-inħawi ta’ fejn jgħixu. Fil-klassifikazzjonijiet internazzjonali tal-ġid uman, dan il-progress jidher ċar. Malta telgħet ħames postijiet u laħqet it-43 post fil-World Happiness Report.
Dan ħareġ mill-aħħar stħarriġ mill-Proġett Wellbeing INDEX, fejn jirriżulta li pajjiżna avvanza tliet postijiet għat-12-il post fl-Unjoni Ewropea għas-sodisfazzjon bil-ħajja. Dan filwaqt li l-Maltin raw id-dħul (aġġustat għad-daqs tal-familja) jilħaq €20,430 fl-2024 (li hu ekwivalenti għal 94.39% tal-medja tal-UE), u ogħla mit-€18,940 fl-2023.
Wieħed mill-aktar punti li joħorġu b’saħħithom huwa l-aspett soċjali. Is-sodisfazzjon bir-relazzjonijiet personali joħroġ bħala dak fejn hemm l-ogħla sodisfazzjon, b’medja ta’ 8.66.
F’pajjiż fejn kulħadd jaf lil kulħadd, ir-relazzjonijiet soċjali b’saħħithom jgħoddu bħala wieħed mill-assi nazzjonali, b’85 fil-mija li ltaqgħu regolarment mal-familja u l-ħbieb jirrappurtaw livelli ogħla ta’ ġid uman.
Fl-istess ħin, is-sejbiet juru ukoll fejn il-kuntentizza għadha dgħajfa, skont l-ekonomista Marie Briguglio, ir-riċerkatriċi prinċipali, li ppreżentat is-sejbiet fil-Parlament flimkien ma’ Natalia Mangion waqt avveniment li jfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Kuntentizza.
L-avveniment tal-bieraħ kien indirizzat mill-fundatriċi u ċ-chair tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society, Marie-Louise Coleiro Preca, mill-Ispeaker Anglu Farrugia, mill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri, mis-shadow tiegħu fl-Oppożizzjoni Jerome Caruana Cilia, mill-Pro-Rettur tal-Università Valerie Sollars, u mid-Direttur tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Matthew Zerafa.
Imniedi ħames snin ilu mill-MFWS u l-Università ta’ Malta, il-Proġett Wellbeing INDEX iservi bħala repożitorju importanti ta’ statistika u evidenza dwar il-ġid tal-Maltin, li jmur lil hinn mill-Prodott Gross Domestiku sabiex jifhem kif in-nies iħossuhom fil-ħajja ta’ kuljum. Dan kollu jista’ jinsab fuq id-dashboards interattivi fuq il-websajt tal-proġett.
Is-Sinjura Coleiro Preca qalet li is-sejbiet juru li dawk li jeħtieġu l-aktar attenzjoni huma dawk li huma morda serjament, il-foqra, dawk soċjalment esklużi u dawk li m’għandhomx biżżejjed ħin.
Il-Prof. Briguglio, li tmexxi r-riċerka flimkien ma’ Ms. Natalia Mangion u l-Prof. Joel Azzopardi, qalet li l-benesseri f’Malta juri stampa ta’ progress, paradossi u sfidi urġenti li jistgħu jinfurmaw il-politika, inkluż il-Viżjoni 2050.
Is-sodisfazzjon bil-ħajja – Paradoss?
Jidher li qed jikber id-distakk bejn kemm in-nies huma sodisfatti b’ħajjithom u kif attwalment iħossuhom fil-ħajja ta’ kuljum. Filwaqt li s-sodisfazzjon bil-ħajja, il-finanzi, ix-xogħol, ir-relazzjonijiet u l-użu tal-ħin kollha tjiebu bejn l-2023 u l-2024, il-benesseri emozzjonali naqas fuq kull indikatur, b’aktar nies jirrappurtaw li jħossuhom nervużi, waħedhom, imdejqin u depressi, u b’inqas nies jgħidu li jħossuhom kalmi u kuntenti.
Nuqqas ta’ ħin
Minkejja li tjieb matul is-sena preċedenti, is-sodisfazzjon bl-użu tal-ħin jibqa’ l-aktar indikatur baxx, b’medja ta’ 6.91. Dan juri l-pressjoni dejjem tikber fil-ħajja ta’ kuljum. Ġenituri waħedhom u familji bit- tfal jirreġistraw l-iktar livelli baxxi, filwaqt li l-pressjoni tal-ħin issa qed jinħass ukoll fost gruppi bi dħul ogħla u livelli ta’ edukazzjoni ogħla.
Kundizzjonijiet ta’ għajxien taħt pressjoni
L-istatistika tindika wkoll pressjoni dejjem tikber bil-kundizzjonijiet ġod-djar u fil-viċinat. Fl-2024, 34.5 fil-mija tal-popolazzjoni rrappurtaw li jgħixu fl-istorbju (164,656 persuna) u 37.8 fil-mija fit-tniġġis (180,332 persuna), żieda fuq is-sena preċedenti. It-tħassib dwar il-kriminalità fil-viċinat żdied ukoll u laħaq mal-46,664 persuna. Rapporti ta’ problemi bl-umidita’ u ilma mill-bjut żdiedu b’24 fil-mija, u affettwaw 40,652 persuna.
Użu problematiku tal-midja soċjali
Sinjal ieħor ta’ twissija joħroġ mid-dinja tal-midja soċjali. Il-proġett jenfasizza livelli għoljin ta’ użu problematiku tal-midja soċjali f’Malta, b’rati rekord fid-dinja fost iż-żgħażagħ.
Dan huwa marbut b’mod qawwi ma’ evalwazzjoni aktar baxxa tal-ħajja u problemi psikoloġiċi bħal nervi u diffikultajiet fl-irqad.
Il-Prof. Briguglio qalet fil-Parlament li minkejja s-sodisfazzjon għoli bil-ħajja, relazzjonijiet personali b’saħħithom u klassifikazzjonijiet internazzjonali li qed jitjiebu, għad hemm numru ta’ sfidi importanti.

