Wednesday, December 3, 2025

Malta tenfasizza l-bżonn ta’ aċċess ugwali għal mediċini għall-Istati Membri tal-UE

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela jinsab fi Brussell fejn qed jieħu sehem fil-Kunsill tal-Ministri għas-Saħħa tal-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea. Matul dawn il-laqgħat fost it-temi diskussi, hemm: l-użu ta’ tabakk fost iż-żgħażagħ, pjan strateġiku għall-prevenzjoni ta’ problemi kardjovaskolari u l-aċċess għall-mediċini ugwali.

Dwar l-att ta’ prodotti mediċinali kritiċi li għandu l-għan li jassigura aċċess ugwali għal mediċini innovattivi liċ-ċittadini kollha tal-UE, il-Ministru Abela qal, kif dan id-dokument huwa ta’ importanza kbira, b’mod partikulari fid-dawl li l-Kunsill Ewropew elenka l-ħarsien tas-sigurtà tal-provvista tal-mediċini bħala wieħed mill-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni Ewropea.

“Jekk ma nkunux kapaċi noperaw skont dak li niddikjaraw, in-nies se jitilfu l-fiduċja tagħhom fl-UE,” saħaq il-Ministru Abela.

Fl-intervent tiegħu il-Ministru Jo Etienne Abela, filwaqt li rringrazzja lill-Presidenza għall-ħidma intensiva tagħha biex timxi ’l quddiem bid-diskussjonijiet dwar dak propost f’perjodu daqshekk qasir, wera t-tħassib tiegħu dwar it-tħassir tal-Artikolu 4. Kif kien ippreżentat mill-Kummissjoni, l-Artikolu 4 kellu l-għan li jinkorpora l-impenn tal-Kunsill Ewropew fil-qafas leġiżlattiv. “Dan huwa diżappunt serju u jammonta għal nuqqas li nwettqu dak li wegħedna lill-pazjenti tagħna,” saħaq Dr Abela.

Il-Ministru Abela qal li hu diżappuntat b’nuqqas t’ambizzjoni fir-rigward tal-akkwist konġunt tal-mediċini. “Hemm rikonoxximent ċar li s-suq intern frammentat tal-mediċini mhuwiex jaħdem għall-Istati Membri kollha, b’mod speċjali għal dawk iż-żgħar. Ma nistgħux nistennew li nindirizzaw problemi permanenti u sistematiċi permezz ta’ soluzzjonijiet sporadiċi. Dan mhuwiex realistiku u lanqas ġust lejn mijiet ta’ eluf ta’ pazjenti madwar l-UE,” irrimarka l-Ministru Abela.

Dwar l-impatt tat-tabakk fost iż-żgħażagħ, il-Ministru Abela qal li l-prijorità ewlenija hija li nipprevjenu li minuri jibdew jużaw prodotti ġodda tat-tabakk u nikotina. Saħaq kif iż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli għall-vizzju tan-nikotina u l-konsegwenzi fit-tul fuq is-saħħa huma kbar.

Spjega kif togħmiet u l-promozzjoni fuq il-midja soċjali huma mfassla apposta biex jattiraw udjenzi żagħżugħa. “Irridu naġixxu flimkien biex innaqqsu l-attrattivita ta’ dawn il-prodotti, bħalma għamilna bit-tabakk tradizzjonali permezz ippakkjar uniformi u messaġġi biex tieħu ħsieb saħħtek,” sostna l-Ministru.

Il-Ministru Abela rrimarka li jeħtieġu kontrolli aktar b’saħħithom fl-aċċess għas-suq sabiex jiġi żgurat li jinbiegħu biss prodotti li jilħqu kriterji stretti tas-saħħa kif ukoll li jkun hemm regolamentazzjoni soda dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-pjattaformi tal-midja soċjali sabiex tiġi evitata promozzjoni li tinfluwenza lill-minuri.

“Billi ndaħħlu dawn il-miżuri b’mod kollettiv, l-UE tista’ tieħu pass deċiżiv biex tnaqqas ħsara li tista’ tiġi evitata u biex tinħoloq ġenerazzjoni żagħżugħa ħielsa minn vizzji u b’saħħitha,” temm jgħid Dr Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport