Saturday, October 11, 2025

MALTA TERĠA’ TEĊĊELLA FIL-QASAM INTERNAZZJONALI

Aqra wkoll

Malta għal darba oħra reġgħet ħalliet marka tajba fil-mandat ta’ sitt xhur fil-Presidenza tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, li se jiġi fi tmiem tiegħu f’Novembru li ġej. Malta laħqet l-aspirazzjonijiet tal-politika tagħha f’dan il-qasam billi tul il-Presidenza ħadet diversi inizjattivi notevoli fosthom il-protezzjoni tat-tfal, is-setgħa taż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. 

Din kienet ir-raba’ darba li Malta assumiet il-Presidenza ta’ din l-organizzazzjoni prestiġjuża Ewropea waqt li pajjiżna fakkar is-60 anniversarju mis-sħubija tiegħu fil-Kunsill tal-Ewropa. 

Malta tat prova oħra illi s-suċċess fit-tmexxija ta’ organizzazzjoni internazzjonali ma jiddependix fuq jekk pajjiż hux kbir jew żgħir. Tant hu hekk, li pajjiżna, wieħed mill-iċken stati fid-dinja, kien ammirat għall-mod kif mexxa l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, il-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u  issa bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. 

Dan m’aħniex ngħiduh aħna imma saħansitra kellu kliem ta’ tifħir mill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa Theodoros Rousopoulos meta qal li Malta, meta ngħaqdet fil-Kunsill tal-Ewropa, għamlet dan bit-twemmin li s-sovranità u s-solidarjetà jistgħu jeżistu flimkien. Huwa qal li llum, sittin sena wara, dak it-twemmin li esprimiet Malta, huwa essenzjali aktar minn qatt qabel. 

Għalhekk, aħna konvinti li Malta bħalma laqgħet l-isfidi li jġibu magħhom it-tmexxija ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn, se tilqa’ wkoll kull sfida li tista’ taffaċċja fil-ġejjieni mhux biss fil-politika domestika imma anke fix-xena internazzjonali.

B’danakollu nemmnu li inizjattivi internazzjonali bħal dawn m’għandhomx jibqgħu biss dati fil-kalendarju imma jkun hemm aġġornamenti tagħhom biex it-tajjeb li jkun sar matul iż-żmien ikompli jinbena fuqu għall-ġid tal-komunità Ewropea u internazzjonali. 

Fit-taqlib li qed ikun hawn fir-relazzjonijiet internazzjonali, mhux l-inqas minħabba l-gwerer, il-komunità internazzjonali teħtieġ organizzazzjonijiet kbar li għandu jkollhom is-saħħa u l-poter li jkunu tassew il-gwardjani tas-sliem u l-prosperità fid-dinja. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport