Il-Ħamis 19 ta’ Marzu 2026 – Malta 2027 ħabbret id-dati u l-postijiet fejn ser iseħħu l-Commonwealth Youth Games tas-sena d-dieħla.
Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ ta’ Malta 2027 se ssir nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ottubru, u wara se jkun hemm programm intensiv mifrux fuq sitt ijiem li jibda s-Sibt 30 ta’ Ottubru u li jibqa’ għaddej sal-Ħamis 4 ta’ Novembru.
Huwa mistenni li Malta tilqa’ madwar 1,200 atleta, ta’ bejn l-14 u t-18-il sena, minn 74 nazzjon u territorju tal-Commonwealth.
Seba’ faċilitajiet sportivi ta’ livell internazzjonali madwar il-gżejjer ta’ Malta u Għawdex se jospitaw is-sitt ijiem ta’ kompetizzjoni.
It-tmien dixxiplini sportivi se jsiru fil-faċilitajiet li ġejjin:
- Pixxina Indoor tal-Cottonera – Water Polo 4×4
- Pixxina Nazzjonali Tal-Qroqq – Għawm u Para Għawm
- Stadium tal-Atletika tal-Marsa – Atletika u Para Atletika
- Ċentru Sportiv tal-Marsa – Squash u Weightlifting
- Il-Bajja tal-Mellieħa – Ibburdjar
- Il-Padiljun Sportiv u Akwatiku tar-Rabat Għawdex Pavilion -– Netball
- Il-Bajja ta’ Marsalforn – Triathlon
Il-Kumpless Sportiv tal-Marsa kien inawgurat fid-19 ta’ Jannar 2026 bħala parti mill-investiment kontinwu tal-Gvern Malti fl-isport. Dan l-investiment ta’ miljuni ta’ ewro ser jgħin biex ipoġġi lil Malta fuq il-mappa sportiva globali filwaqt li jipprovdi faċilitajiet ta’ livell għoli għall-komunità lokali.
Dan isegwi wkoll il-ftuħ riċenti tal-Padiljun Sportiv u Akwatiku tar-Rabat Għawdex – faċilità avvanzata u mument storiku għall-gżira Għawdxija, li se tospita t-timijiet tan-Netball minn madwar il-Commonwealth fl-2027. Din hija l-ewwel binja ta’ dan it-tip f’Għawdex, b’pixxina ta’ daqs Olimpiku u spazji speċjalizzati għal diversi dixxiplini sportivi.
Meta tkellmet dwar il-Commonwealth Youth Games, il-Kap Eżekuttiv ta’ Commonwealth Sport, Katie Sadleir, qalet:
“Malta 2027 twiegħed atmosfera eċċitanti u kompetittiva, fejn ħa tintwera d-dar tal-isport Malti. Faċilitajiet ta’ livell internazzjonali se jipprovdu lill-atleti żgħażagħ tagħna esperjenza tassew trasformattiva, li tgħinhom jispiraw u jiżviluppaw l-istilel sportivi ta’ għada. Nistennew bil-ħerqa l-Logħob li se jkun tassew eċċellenti.”
Julian Pace Bonello, President ta’ Commonwealth Sport Malta, qal:
“Malta bniet reputazzjoni b’saħħitha fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi internazzjonali ta’ livell għoli, u b’mod konsistenti toffri kompetizzjonijiet li jilħqu l-ogħla livelli. Li tospita l-Commonwealth Youth Games fl-2027 mhijiex biss opportunità biex nuru lil Malta fuq livell globali, iżda wkoll pjattaforma b’saħħitha biex nispiraw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ atleti Maltin. Dawn il-Logħob se jħallu impatt fit-tul billi jimmotivaw t-talent żagħżugħ, isaħħu l-kultura sportiva tagħna, u jkomplu jsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż ospitanti affidabbli.”
Il-Ministru għall-Isport ta’ Malta, Clifton Grima, qal:
Il-Ministru għall-Isport, Clifton Grima, qal li “L-investiment kontinwu tal-Gvern fl-isport matul dawn l-aħħar snin qed ikompli jittrasforma l-pajsaġġ sportiv ta’ Malta. Mill-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet sal-inawgurazzjoni ta’ postijiet ġodda ta’ livell internazzjonali, qed noħolqu ambjent fejn l-atleti jistgħu jitħarrġu, jikkompetu u jiksbu suċċess. Il-Logħob tal-Commonwealth Youth Games Malta 2027 se jibbenefikaw bis-sħiħ minn din il-viżjoni, permezz tal-użu ta’ infrastruttura avvanzata li mhux biss se sservi għall-Logħob, iżda wkoll se tħalli valur fit-tul għall-komunitajiet lokali u għall-ġenerazzjonijiet futuri.”
Kai Azzopardi, parteċipant tal-Commonwealth Youth Games ta’ Trinbago, qal:
“Li nikkompeti fil-Commonwealth Youth Games f’Trinidad u Tobago kienet esperjenza ta’ valur kbir fl-iżvilupp tiegħi bħala atleta. Il-livell tal-kompetizzjoni, l-ambjent internazzjonali u l-opportunità li tipparteċipa f’dan il-livell jagħtuk esperjenza li diffiċli tinkiseb x’imkien ieħor. Avvenimenti bħal dawn huma kruċjali għall-atleti żgħażagħ, mhux biss biex ikejlu l-livell tagħhom ma’ oħrajn ta’ livell għoli, iżda wkoll biex jiżviluppaw kunfidenza, reżiljenza u ftehim aktar profond ta’ dak li jitlob l-isport li jirrikjedi prestazzjoni għolja. Malta 2027 se tkun opportunità unika għal ħafna atleti emerġenti biex jibbenefikaw mill-istess esperjenza.”
Il-programm sportiv se jinkludi tmien sports: Atletika u Para Athletics, Għawm u Para Swimming, Ibburdjar, Netball, Squash, Triathlon, Water Polo u Weightlifting.
Malta 2027 se tospita l-akbar programm Para fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni, billi tibni fuq l-inklużjoni storika tal-Para Atletika fl-aħħar edizzjoni tal-Commonwealth Youth Games f’Trinidad u Tobago. Il-Logħob se jinkludi wkoll id-debutt tal-Ibburdjar u l-Water Polo f’din il-kompetizzjoni.
Il-Commonwealth Youth Games saru għall-ewwel darba f’Edinburgh fl-2000, bil-għan li jipprovdu kompetizzjoni internazzjonali memorabbli għal atleti żgħażagħ madwar il-Commonwealth u joħolqu triq għall-progress lejn il-livell kompetitiv għal kbar. Minn dakinhar, aktar minn 6,000 atleta ħadu sehem matul l-istorja tal-Logħob.
L-aħħar edizzjoni saret f’Trinidad u Tobago f’Awwissu 2023, u kienet l-akbar edizzjoni sal-lum.
Malta, bħala pajjiż ospitanti fl-2027, se tkun qed tfittex li tibni fuq l-aqwa riżultat tagħha f’Trinbago 2023, miksub minn Kai Azzopardi li spiċċa fir-raba’ post fil-Men’s Individual Super Sprint Triathlon.

