Thursday, June 5, 2025

Malta tħares ’il quddiem għal bilanċ bejn il-wirt tradizzjonali u l-innovazzjoni għall-ħarsien tal-bijodiversità fil-Mediterran

Aqra wkoll

Waqt konferenza reġjonali f’Ateni, il-Greċja, dwar il-protezzjoni tal-ambjent marittimu fil-Mediterran, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, irrimarkat dwar l-impenn li għandha Malta biex tħares u tippromwovi l-bijodiversità fil-baħar, filwaqt li tappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd.

Matul id-diskors tagħha, Bugeja Said enfasizzat l-irwol kruċjali li għandu l-baħar għall-identità u l-għajxien tal-komunitajiet kostali ta’ Malta. Hi qalet li minkejja d-daqs żgħir ta’ pajjiżna xorta għandna sehem kbir fil-ħarsien tal-ekosistemi marittimi u fis-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran.

Sa issa, Malta iddikjarat 35.5% taż-Żona ta’ Ġestjoni tas-Sajd bħala żoni protetti, u fl-2023 ġew adottati miżuri ta’ konservazzjoni aġġornati li jinkludu t-tnaqqis tal-iskart fil-baħar, il-ħarsien ta’ ħabitats vulnerabbli, kif ukoll titjib fis-sorveljanza u l-involviment tas-setturi kollha.

Is-Segretarju Parlamentari saħqet fuq il-ħtieġa li s-sostenibbiltà tkun ġusta soċjalment u vijabbli ekonomikament, u semmiet kif Malta tħares b’mod partikolari lejn il-flotta tas-sajd żgħira u tradizzjonali tagħha – komunità ta’ sajjieda li għal ġenerazzjonijiet ħadmu b’metodi sostenibbli. Hi insistiet li politika uniformi ma tistax tapplikaha bl-istess mod għal kull stat fil-Mediterran, u appellat għal regoli ġusti għal kulħadd biex tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni u l-provvista tal-ikel.

Hija semmiet kif Malta qed tinvesti wkoll fl-innovazzjoni, inkluż fir-riċerka dwar tagħmir tas-sajd li jnaqqas l-impatt fuq l-ekosistemi, kif ukoll f’proġetti bħal NETTAG+, li jinkludu teknoloġija għal-lokalizzazzjoni u rkupru ta’ tagħmir mitluf, li huwa waħda mill-kawżi ewlenin tal-iskart fil-baħar. Il-pajjiż se jkun qed jinvesti €6 miljun fi pjan ta’ ġbir ta’ informazzjoni sabiex nifhmu aħjar is-sajd li jsir mill-flotta Maltija.

F’kuntest ta’ azzjoni klimatika u tranżizzjoni għall-enerġija nadifa, is-Segretarju Parlamentari semmiet kif Malta qed tesplora soluzzjonijiet ta’ fjuwil alternattiv għall-vapuri żgħar, kif ukoll investiment f’portijiet ekoloġiċi u trattament tal-ilma mormi.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said semmiet ukoll il-ħidma ta’ Malta f’livell reġjonali permezz ta’ pjattaformi bħall-Barcelona Convention, BlueMed Initiative u organizzazzjonijiet bħall-Union for the Mediterranean, kif ukoll inizjattivi lokali li jinvolvu ċ-ċittadini bħal Spot the Jellyfish u Eco-Schools.

“Dak li jagħmel ħsara f’kosta waħda, se jolqot kosta oħra. Għalhekk Malta temmen fil-koperazzjoni ġusta u b’saħħitha, u tappella lill-pajjiżi kollha fil-Mediterran biex jimxu flimkien fit-triq tas-sostenibbiltà għal ġid tal-ambjent, il-komunitajiet u l-ġenerazzjonijiet futuri,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport