Hekk kif kompla ż-żjara uffiċjali tiegħu fl-Istat ta’ Kalifornja, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, kellu għadd ta’ laqgħat għolja li qed ikomplu jsaħħu l-kollaborazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta fl-innovazzjoni, fil-ħiliet diġitali u fit-teknoloġiji emerġenti, filwaqt li jsaħħu wkoll ir-relazzjonijiet bilaterali b’mod aktar wiesa’.
Flimkien mal-Konslu Onorarju Louis J. Vella, Dr Borg iltaqa’ mas-Sindku ta’ San Francisco, Daniel Lurie. “Din kienet laqgħa importanti għaliex l-Istat ta’ Kalifornja, u San Francisco b’mod partikolari, għandhom influwenza kbira fix-xena globali. B’taħditiet bħal dawn, qed inkomplu nenfasizzaw li l-potenzjal ta’ Malta jkompli jissaħħaħ permezz tas-sħubija tagħna fis-suq komuni tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa partikolarment importanti fil-kuntest tal-isfidi ġeopolitiċi li qed tiffaċċja d-dinja bħalissa,” qal id-Deputat Prim Ministru.
“Iddiskutejna għadd ta’ opportunitajiet, mhux biss f’oqsma tradizzjonali bħat-turiżmu u l-konnettività bejn il-pajjiżi, iżda wkoll b’rabta ma’ kumpaniji u intrapriżi b’impatt globali, hekk kif ħafna minnhom huma minn dan ir-reġjun,” hu żied jgħid.
B’enfasi kontinwa fuq l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni li tħejji għall-futur, Dr Borg kellu wkoll sensiela ta’ laqgħat għolja ma’ mexxejja mis-setturi tat-teknoloġija u tal-intelliġenza artifiċjali f’San Francisco u fiż-żona usa’ ta’ Silicon Valley. Dawn il-laqgħat huma parti mill-impenn ta’ Malta biex tissaħħaħ is-sħubija internazzjonali fl-innovazzjoni u fit-teknoloġiji emerġenti.
“Iltqajna ma’ kumpaniji multinazzjonali, uħud minnhom li diġà naħdmu magħhom, u oħrajn li magħhom qed niddiskutu kollaborazzjonijiet ġodda fil-futur. Flimkien ma’ OpenAI, il-kreaturi ta’ ChatGPT, iddiskutejna mhux biss l-impenn tal-Gvern biex jagħmel l-għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali aċċessibbli għal kulħadd, iżda wkoll l-importanza tat-taħriġ sabiex dawn l-għodod jintużaw b’mod effettiv u responsabbli, filwaqt li jiġu integrati b’mod tajjeb, għall-ġid tas-soċjetà,” stqarr id-Deputat Prim Ministru Borg.
Huwa ltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti ta’ Coursera, pjattaforma globali għat-tagħlim diġitali. “Għandna diversi istituzzjonijiet Maltin li diġà qed jikkollaboraw ma’ Coursera biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tal-lum u tal-futur tagħna, u għalhekk id-diskussjonijiet tagħna ffukaw fuq il-prijoritajiet ta’ xulxin, filwaqt li esplorajna aktar opportunitajiet ta’ kooperazzjoni,” hu spjega.
“Dan kollu juri b’mod ċar li pajjiżna mhux qed jiddependi biss fuq niċeċ ekonomiċi tradizzjonali, iżda qed iħaddan ukoll għodod ġodda u innovattivi biex ikompli jimxi ’l quddiem,” temm jgħid Dr Borg.
Il-laqgħat ta’ din il-ġimgħa f’San Francisco jirriflettu wkoll il-qagħda internazzjonali b’saħħitha ta’ Malta u l-fiduċja u r-rispett li l-imsieħba internazzjonali għandhom lejn pajjiżna bħala imsieħeb affidabbli, b’enfasi fuq il-futur.

