Lejlet ir-raba’ anniversarju mill-bidu tal-gwerra t’aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, Malta sostniet l-importanza ta’ kollaborazzjoni diplomatika kontinwa mill-Unjoni Ewropea mal-imsieħba internazzjonali, hekk kif kompliet tappoġġja l-ħidma li għaddejja lejn paċi sħiħa u sostenibbli għall-poplu Ukren.
It-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ħa sehem fil-laqgħa ta’ Frar tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, li ddiskuta l-impenn biex tiżdied il-pressjoni fuq ir-Russja, hekk kif din qed tkompli bl-attakki militari tagħha fuq il-persuni ċivili Ukreni.
“Huwa essenzjali li jkollna komunikazzjoni kkoordinata u aktar kollaborazzjoni internazzjonali sabiex nipproteġu lill-Ukrajna u niżguraw l-għaqda u r-reżiljenza demokratika tal-UE. Meta naħdmu flimkien, l-UE jkollha piż ferm akbar minn kwalunkwe stat membru li jaġixxi waħdu,” hu spjega.
Filwaqt li esprima appoġġ għan-negozjati ta’ paċi li għaddejjin bħalissa, Dr Borg qabel li d-diplomazija trid tkompli tissaħħaħ permezz ta’ iżjed pressjoni fuq ir-Russja, b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet internazzjonali. F’dan il-kuntest, l-UE għandha tkompli tfittex aktar miżuri restrittivi, kif ukoll iżżid l-impenn tagħha ma’ firxa aktar wiesa ta’ dawk involuti, sabiex tiddgħajjef il-kapaċità tar-Russja li tkompli għaddejja bl-aggressjoni tagħha, filwaqt li jitħarbtu n-netwerks ta’ evażjoni tagħha, inkluż l-hekk imsejħa shadow fleet, mingħajr ma jintlaqtu l-istati membri u ċ-ċittadini tagħhom b’mod sproporzjonat.
Dwar il-Lvant Nofsani, id-Deputat Prim Ministru Malti appella għal tnaqqis fl-eskalazzjoni fix-Xatt tal-Punent, filwaqt li esprima tħassib dwar żviluppi riċenti fl-amministrazzjoni tal-art, li qed iżidu l-instabbiltà u jheddu l-prospetti tas-Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati.
Irrefera wkoll għat-twettiq tal-Pjan ta’ Paċi għal Gaża, fejn innota li l-insistenza tal-Hamas li ma ċċedix l-armi tagħha hija ostaklu sinifikanti sabiex javvanzaw l-isforzi ta’ rikostruzzjoni, u sabiex tkompli tiżdied l-għajnuna umanitarja.

