Monday, December 23, 2024

Malta tibqa’ kommessa li tilħaq in-newtralità fil-karbonju sas-sena 2050

Aqra wkoll

Fil-kuntest tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern, l-istrateġija ta’ Malta lejn zero karbonju sas-sena 2050 mistennija tiġi ffinalizzata fil-ġimgħat li ġejjin. 

Hekk qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Ambjent f’Lussemburgu, fejn spjega kif grazzi għall-ħidma tal-Gvern biex jassigura li l-ġenerazzjoni tal-enerġija f’Malta tkun ibbażata fuq LNG, pajjiżna llum diġà jiġġenera mill-inqas karbonju: pass li numru ta’ pajjiżi oħra għadhom m’għamluhx.

Fil-fatt, il-poplu Malti huwa l-inqas poplu li jipproduċi karbonju ras għal ras fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru saħaq li biex pajjiżna jkompli jnaqqas il-livell ta’ karbonju, id-diffikultajiet u l-isfidi huma ferm ikbar minn dawk ta’ pajjiżi oħra minhabba ċirkustanzi speċifiċi ta’ stat membru gżira tal-UE. Għalkemm pajjiżna huwa mżejjen b’xemx tul is-sena kollha u b’ibħra mill-isbaħ, m’għandux l-opportunità li jipproduċi enerġija idro-elettrika u ninsabu limitati fil-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ jew mix-xemx minħabba d-daqs żgħir tagħna u minħabba li medded kbar ta’ art huma protetti.

Hu saħaq li huwa essenjzali li Malta tilħaq n-newtralità tal-karbonju b’mod ġust, filwaqt li tieħu fil-perspettiva l-impatt soċjo-ekonomiku fuq il-familji u l-industrija. 

“Il-kalkoli tagħna juru li din il-mira se tkun ta’ sfida, imma se nkomplu mexjin f’din id-direzzjoni. Ninsabu kommessi li nieħdu azzjoni marbuta mal-klima, u nirrikonoxxu l-bżonn li l-UE turi ħeġġa lejn miżuri ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fejn jinħtieġ l-għalmu kollettiv tal-istati membri sabiex ninkoraġixxu lil pajjiżi oħra jagħmlu l-istess. Huwa propju għalhekk li ninsabu konvinti li għalkemm pajjiżna għandu ċirkostanzi partikolari, Malta xorta waħda bdiet it-triq lejn in-newtralità tal-karbonju,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Ekonomija

Sport