Minn VICTOR VELLA
Filwaqt li kien hemm żieda fl-ammont ta’ każijiet ta’ COVID-19 matul l-aħħar ġimgħa, xorta Malta tibqa’ t-tieni pajjiż l-inqas milqut mill-COVID-19 fl-Unjoni Ewropea. Mindu bdiet il-pandemija r-rata ta’ dawk li ttestjaw positiv f’pajjiżna kienet 0.6%. Kien biss il-Litwanja li kellha rata anqas pożittiva, 0.4%.
Bħala medja madwar l-UE r-rata ta’ testijiet positivi kienet 3.4%, jew kważi sitt darbiet ir-rata f’pajjiżna. Il-pajjiż fejn l-aktar kien hemm rata ta’ testijiet positivi kien l-Isvezja fejn kważi wieħed minn kull għaxra li mar għat-test instab positiv. B’kuntrast f’pajjiżna wieħed minn kull 170 li ħa t-test instab positiv.
Fil-ġimgħa li għaddiet madwar l-UE kien hemm żieda fil-każijiet pożittivi. Malta ma kienetx eċċezzjoni, imma fil-każ ta’ pajjiżna n-numri telgħu l-aktar minħabba numru ta’ mmigranti li lanqas biss kienu għadhom rifsu pajjiżna. Barra minn hekk kien hemm numru ta’ każijiet impurtati minn barra. Dawn il-każijiet fejn il-virus ma kienx trasmess hawn Malta jammontaw għal sitta minn kull għaxar każi attivi f’pajjiżna. Kwart ieħor tal-każijiet huma dovuti għal żewġ attivitajiet partikolari.
Meta wieħed iħares lejn ir-rata ta’ testijiet li ħarġu pożittivi madwar l-Unjoni Ewropea matul l-aħħar ġimgħa bħala medja din laħqet 2.1%. Fil-każ ta’ pajjiżna anke jekk wieħed jinkludi l-każijiet tal-immigranti r-rata ta’ positivi kienet ta’ 1.5%. Jekk wieħed jeskludi l-immigranti, r-rata ta’ positivi kienet ta’ 0.6%. Ta’ min ifakkar li fit-12 ta’ Mejju l-Awtorita Dinjija tas-Saħħa (WHO) kienet ħarġet rakkomandazzjoni li biex pajjiż ibiddel ir-restrizzjonijiet fuq l-attivita ekonomika u soċjali r-rata ta’ testijiet positivi għadha tkun naqset minn 5% għal perijodu ta’ madwar ħmistax-il ġurnata.
Dan ifisser li r-rata ta’ testijiet pożittivi li kellna f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħa hija anqas minn terz dik li skont l-WHO għandha twassal għar-restrizzjonijiet. Filfatt analiżi li saret għal din il-gazzetta turi li kien biss f’ġurnata waħda biss mindu bdiet l-imxija li f’Malta kellna rata ta’ testijiet pożittivi aktar minn 5%. Din kien is-7 ta’ April meta kienu ttestjaw positivi 6.3% ta’ dawk li ħadu t-test. Bil-kejl tal-WHO l-Gvern Malti seta’ jiftaħ mill-ġdid l-ekonomija nhar il-21 ta’ April. Minflok il-ħwienet inżammu magħluqa sal-4 ta’ Mejju mentri l-ajruport fetaħ għal kollox fil-15 ta’ Lulju. Dan juri l-galbu tal-awtoritajiet ta’ pajjiżna.
Ta’ min jinnota wkoll li anke kieku wieħed iħares it-29 ta’ Lulju meta daħlet dgħajsa b’ 66 immigrant li ttestjaw pożittiv, u jinkludi ma’ dawn it-testijiet positivi fuq residenti f’Malta, ir-rata ta’ testijiet pożittivi ma qabżitx il-5% fl-ebda ġurnata. B’kuntrast hemm numru ta’ pajjiżi Ewropej fejn ir-rata ta’ testijiet pożittivi qabżet il-linja gwida tal-WHO. Dawn jinkludu Spanja u r-Rumanija, filwaqt li l-Bulgarija u l-Kroazja huma wkoll ferm qrib. Anke jekk wieħed jinkludi l-immigranti li daħħlu Malta ġa nfettati, xorta r-rata ta’ positivi f’pajjiżna kienet ferm anqas mill-medja, u jekk wieħed iħares biss lejn trasmissjoni lokali huma biss 7 pajjiżi li kellhom rata anqas minn Malta.
Meta wieħed jinterpreta statistika dwar il-COVID-19 wieħed irid joqgħod ferm attent u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO. Din l-agenzija filfatt tgħid li mhux biss wieħed irid jara r-rata ta’ dawk ittestjati positiv, u mhux sempliċement in-numru kif sfortunatament isir minn ħafna f’pajjiżna. Il-WHO tgħid li huwa importanti li wieħed jara kemm saru testijiet. Dan isir billi wieħed jqabbel l-ammont ta’ testijiet ma kemm kien hemm eluf ta’ persuni residenti f’dak il-pajjiż dik il ġimgħa.
Fil-każ ta’ pajjiżna l-ġimgħa li għaddiet marru l-ekwivalenti ta’ 18 minn kull elf persuna jagħmlu test. Fid-Danimarka biss marru aktar nies, għax ir-rata laħqet 24 persuna għal kull elf persuna Daniża. Madwar l-Ewropa bħala medja r-rata kienet 7 persuni, jiġiferi ftit aktar minn terz ir-rata f’pajjiżna. Il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant ma tantx qegħdin jittestjaw il-popolazzjoni tagħhom. Per eżempju l-Ungerija kienu biss 2 minn kull elf li marru jittestjaw rwieħhom. Dan ifisser li wieħed irid ikun kawt meta jħares lejn il-figuri ta’ ċertu pajjizi għax l-awtoritajiet mhux qed jittestjaw daqs kemm qed isir f’Malta.
Filwaqt li din il-ġimgħa uriet kemm hu importanti li nkomplu nsegwu d-disposizzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa, meta wieħed iħares lejn l-istatistika bil-mod suġġerit mill-WHO huwa ċar li pajjiżna għadu fost l-aqwa fil-ġlieda kontra l-imxija tal-coronavirus. Dan mingħajr ma wieħed jikkunsidraw li pajjiżna kellu l-anqas rata ta’ mortalita u ta’ użu ta’ faċilitajiet ta’ kura ntensiva minn fost il-pajjiżi kollha tal-UE. Il-każijiet l-aktar riċenti huma wkoll f’qagħda tajba, jirrikoveraw fi kwarantina ġo darhom stess.