Tuesday, November 26, 2024

Malta tibqa’ twassal messaġġ favur stabbiltà fil-Mediterran

Aqra wkoll

Fi żjara uffiċjali f’Ankara, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri wassal il-messaġġ li Malta se tibqa’ tkun proattiva f’inizjattivi biex tkun miġġielda l- kriminalità organizzata li xxekkel l-istabbiltà fil-Mediterran. 

Il-Ministru Camilleri għamel żjara uffiċjali f’Ankara wara stedina mill-Ministru tad-Difiża Tork Hulusi Akar. Iż-żjara fil-kapitali Torka ffukat fuq l-oqsma tad-difiża u s-sigurtà fil-Mediterran u segwiet id-diskussjoni fuq l-istess temi li saru f’Malta waqt iż-żjara uffiċjali tal-Ministru tad-Difiża Tork aktar kmieni dan ix-xahar. 

Malta u t-Turkija jinsabu f’taħditiet avvanzati biex ikun żviluppat ftehim ta’ kollaborazzjoni sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transnazzjonali. Il-prinċipju wara dan il-ftehim huwa li l-awtoritajiet fiż- żewġ pajjiżi jikkollaboraw fuq il-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali serji bħat- terroriżmu, il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-droga, l-armi u l-persuni. 

Il-Ministru tad-Difiża Tork Hulusi Akar spjega li t-Turkija tqis lil Malta bħala pajjiż strateġiku fil- Mediterran li għandu ħafna kontribut x’jagħti fil-ħarsien tal-paċi u fl-istabbiltà fir-reġjun. Huwa offra l-għajnuna tal-awtoritajiet Torok fil-ġlieda kontra t-traffikanti tal-persuni fiċ-ċentru tal-Mediterran. 

Matul iż-żjara f’Ankara ġew organizzati wkoll laqgħat trilaterali bejn il-ministri responsabbli mis- sigurtà nazzjonali u d-difiża ta’ Malta, it-Turkija u l-Libja. It-tliet pajjiżi enfassizaw l-importanza li tinstab soluzzjoni politika fil-Libja, ibbażata fuq il-waqfien mill-ġlied u l-għaqda nazzjonali. 

F’laqgħa oħra bejn il-Ministru Camilleri u l-Ministru tad-Difiża Libjan Fathi Bashagha kompliet tiġi diskussa t-tema tal-immigrazzjoni illegali. Iż-żewġ partijiet irrikonoxxew li għalkemm l-awtoritajiet Libjani qed jirnexxilhom iwaqqfu bosta mill-vjaġġi klandestini fiċ-ċentru tal-Mediterran, għad baqa’ sfidi li jirrikjedu l-impenn taż-żewġ pajjiżi. 

Il-Ministru Camilleri ltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Intern Tork Süleyman Soylu fejn ġew diskussi diversi oqsma fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-protezzjoni ċivili. Id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi wkoll uffiċjali mill-Gvern Malti, fosthom l-Ambaxxatriċi nominata ta’ Malta fit-Turkija Theresa Cutajar u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Jeffrey Curmi. 

Sport