Wednesday, March 4, 2026

Malta tibqa’ vuċi għall-kisba tal-paċi

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni li nħolqot bl-attakki konġunti mill-Istati Uniti u l-Iżrael fuq l-Iran ħolqot ċirkostanzi li bilkemm għadna bdejna nifhmu l-gravità u l-effetti tagħhom. Wara li l-prezzijiet tal-enerġija splodew bl-invażjoni Russa tal-Ukrajna, meta kien jidher li dawn bdew jitbaxxew, reġgħu ħadu żvolta oħra ’l fuq b’dak li qed jiġri bħalissa bil-gwerra fil-Lvant Nofsani.

Pajjiżna mhuwiex iżolat imma jagħmel parti mill-komunità dinjija. Għalhekk jista’, għalkemm forsi mhux daqs pajjiżi oħra, b’danakollu l-impatt ta’ dan il-kunflitt se jinħass fuqna wkoll partikolarment fuq il-prezzijiet mhux biss tal-enerġija imma wkoll fuq il-prodotti li nikkonsmaw li l-parti l-kbira minnhom huma importati. 

Għalhekk aħna nħossuna, forsi b’moħħna mistrieħ aktar minn pajjiżi oħra, billi l-Gvern diġà kkommetta ruħu li kif għamel fil-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja, hekk ukoll se jagħmel bħalissa u mhux se jħalli lill-poplu jbati mill-konsegwenzi tal-gwerra fil-Lvant Nofsani.

Dan hemm iċ-ċertezza tiegħu mhux biss bid-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela imma wkoll b’mod aktar fattwali billi l-ekonomija ta’ pajjiżna hija b’saħħitha u għadha tiflaħ għax-xokkijiet ekonomiċi li jiġu minn barra l-pajjiż. 

Fil-qafas internazzjonali, naqblu ma’ kull min jgħid u jaħdem biex id-djalogu jibqa’ l-pern li jwassal għas-soluzzjoni tal-kunflitti. Dan għaliex minnu jgawdu ċ-ċittadini ċivili li jkunu għaddejjin minn ċertu inċertezzi u qtigħ il-qalb. 

Aħna konvinti li minn din is-sitwazzjoni, il-pajjiż tagħna se joħroġ bla mittiefes mhux biss ekonomikament imma wkoll politikament, aktar u aktar billi l-politika barranija ta’ pajjiżna hija waħda ta’ newtralità attiva li ma tieħu ebda pożizzjoni favur xi parti jew oħra fil-kunflitt. 

Aħna konvinti wkoll li minkejja ċ-ċokon tagħha, pajjiżna se jibqa’ jwassal il-leħen tal-paċi dejjiema fix-xena internazzjonali, kif diġà għamel meta kien fit-tmexxija ta’ organizzazzjonijiet awtorevoli kemm dinjin kif ukoll oħrajn Ewropej fosthom il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħuqda u meta Malta kellha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport