Malta, permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali ffirmat id-dikjarazzjoni ta’ Sardegna li biha se jkun hemm impenn akbar għal Mediterran u anke li l-Ewropa tkun aktar qrib in-nies.
Permezz tal-iffirmar li sar mill-President tal-Assoċjazzjoni Mario Fava se jkun hemm impenn ferm akbar biex l-Ewropa tkun aktar qrib in-nies.
Is-sindki u r-rappreżentanti tal-gvern lokali minn Sqallija, Sardegna u Malta, taħt l-awspiċi tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Maltija u AICCRE, jiffirmaw id-dikjarazzjoni fil-kuntest tal-proġett SoUSeEU.
Id-dikjarazzjoni tistabbilixxi viżjoni komuni għal Ewropa li tkun aktar qrib iċ-ċittadini. Li jkun hemm komunitajiet b’saħħithom, inklussivi u sostenibbli.
L-istess dikjarazzjoni turi impenn lejn turiżmu sostenibbli b’attenzjoni parikolari lejn l-ambjent u l-identità lokali, li jkun hemm inqas burokrazija u governanza lokali aktar sempliċi u effettiva, kif ukoll koeżjoni u inklużjoni biex jintlaħqu ugwaljanza u saħħa bejn ir-reġjuni.
Waqt l-iffirma, Mario Fava qal li għandu jkun hemm impenn speċifiku għal Mediterran li jkun fih il-paċi u għamel sejħa għal stabbiltà u prosperità fir-reġjun Mediterranju.
Żied li d-dikjarazzjoni sservi bħala legat tal-proġett SoUSeEU u tikkonferma r-rieda li jkomplu jaħdmu flimkien biex isaħħu d-demokrazija lokali u jġibu l-Ewropa aktar qrib iċ-ċittadini tagħha.


