Thursday, November 13, 2025

Malta tiffirma ftehim storiku għas-settur tas-sajd waqt żjara uffiċjali fiċ-Ċina

Aqra wkoll

Fiċ-Ċina ġie ffirmat l-ewwel ftehim ta’ esportazzjoni ta’ prodotti tas-sajd minn annimali akkwatiċi maqbuda mis-selvaġġ lejn iċ-Ċina. Dan il-ftehim huwa pass storiku għas-settur tas-sajd f’Malta, u se joffri opportunitajiet ġodda u stabbiltà akbar għall-komunità tas-sajjieda Maltin, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd sostenibbli.

L-iffirmar tal-ftehim saret waqt żjara uffiċjali tal-Ministru Anton Refalo fiċ-Ċina, fejn il-Ministru Refalo ltaqa’ mal-Ministru tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana Ċiniża, Meijun Sun.

Il-Ministru Anton Refalo qal, “Dan il-ftehim storiku jiftaħ kapitlu ġdid għall-komunità tas-sajjieda Maltin. Għall-ewwel darba, il-prodotti tas-sajd tagħna maqbuda mis-selvaġġ se jkollhom aċċess dirett għas-suq Ċiniż, wieħed mill-akbar u l-aktar promettenti fid-dinja. Dan ifisser mhux biss opportunitajiet ġodda ta’ dħul u prezzijiet aħjar, iżda wkoll rikonoxximent internazzjonali tal-kwalità u l-professjonalità li joffru s-sajjieda tagħna.”

Fl-istess waqt, il-preżenza ta’ Malta fiċ-China International Import Expo wriet kif il-prodotti agrikoli u tas-sajd Maltin jistgħu jikkompetu b’saħħithom fuq livell globali. “Il-kwalità, il-ġenwinità u l-passjoni tal-produtturi tagħna qed jiġbdu l-attenzjoni ta’ konsumaturi u investituri internazzjonali. Dan kollu juri li Malta, minkejja d-daqs tagħha, kapaċi tkun pajjiż b’vuċi u preżenza sinifikanti meta taħdem b’viżjoni, determinazzjoni u fidi fil-potenzjal tagħha,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

B’rabta ma’ dan il-ftehim, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet, “Dan il-ftehim hu importanti għal pajjiżna. Wara diversi laqgħat mal-Ambaxxata Ċiniża, qed naraw lil pajjiżna jagħmel pass ieħor ’il quddiem f’dan is-settur. Il-ftehim ta’ esportazzjoni lejn iċ-Ċina mhux biss jiftaħ opportunitajiet ġodda għas-sajjieda Maltin, imma joffri wkoll stabbiltà akbar u suq ġdid għall-prodotti tagħna. Dan hu eżempju ċar ta’ kif, permezz ta’ koperazzjoni internazzjonali u impenn lejn is-sostenibbiltà, nistgħu niżguraw futur b’saħħtu u sostenibbli għas-settur tas-sajd f’Malta.”

Il-Ministeru qed jaħdem ukoll biex jespandi l-opportunitajiet ta’ esportazzjoni għal prodotti oħra ta’ kwalità għolja, inklużi gambli ħomor, kunserva u żejt taż-żebbuġa, sabiex tissaħħaħ il-preżenza ta’ Malta fis-suq Ċiniż u jiġi promoss tkabbir sostenibbli għall-produtturi lokali. Fil-fatt, parti miż-żjara uffiċjali tal-Ministeru kienet tiffoka fuq il-parteċipazzjoni ta’ Malta fiċ-China International Import Expo f’Shanghai fejn  numru ta’ prodotti Maltin ġew esebiti fuq stand imtella’ apposta minn Malta.

Matul din iż-żjara uffiċjali, il-Ministru Refalo kellu wkoll laqgħat uffiċjali mal-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Poplu għas-Sħubija mal-Pajjiżi Barranin. Matul dawn il-laqgħat, ġew diskussi opportunitajiet ta’ esportazzjoni u kif jistgħu jissaħħu r-rabtiet bejn Malta u ċ-Ċina fil-qasam tal-kummerċ u l-kooperazzjoni internazzjonali.

Matul din iż-żjara uffiċjali, il-Ministru Refalo kellu wkoll laqgħat uffiċjali mal-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Poplu għas-Sħubija mal-Pajjiż Barranin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport