Saturday, September 27, 2025

Malta tikkonferma l-impenn tagħha li tkompli tavvanza l-prevenzjoni tal-mard mhux trażmissibbli

Aqra wkoll

F’New York, waqt it-80 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ittellgħet Laqgħa  ta’ Livell Għoli dwar il-prevenzjoni tal-mard mhux trażmissibbli u l-promozzjoni tas-saħħa mentali u ħajja sana, li kienet mmexxija mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Fir-rigward tal-prevenzjoni tal-mard mhux trażmissibbli (NCD), Malta qablet mad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’isem l-Istati Membri tagħha, fejn ġie kkonfermat l-impenn li titnaqqas il-mortalità prematura mill-mard mhux trażmissibbli sal-2030.

Fl-intervent tiegħu matul il-laqgħa, il-Ministru Jo Etienne Abela sostna li l-mard mhux trażmissibbli jibqa’ fost il-kawżi ewlenin ta’ mewt u diżabilità. Huwa semma kif f’Malta għadha kif ġiet imnedija l-Istrateġija Nazzjonali 2025–2030 marbuta mal-prevenzjoni tal-NCD’s.

Il-Ministru saħaq kif, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tal-UE, Malta qed timxi ’l quddiem b’miżuri b’saħħithom fosthom li nkomplu nsaħħu aktar l-għarfien fuq il-ħsara tat-tabakk u l-alkoħol, spazji aċċessibbli għall-attività fiżika u nippromwovu ħajja aktar sana, fost oħrajn. “Qed nagħtu prijorità lill-istili ta’ ħajja sana billi noħolqu spazji siguri u aċċessibbli għall-attività fiżika,” sostna Dr Abela.

Il-Ministru Abela spjega li l-għan tal-Istrateġija Nazzjonali huwa li jsaħħaħ il-monitoraġġ u r-riċerka, jinkoraġġixxi lill-individwi biex jagħmlu għażliet aktar b’saħħithom u jipprepara lill-professjonisti tas-saħħa, fost oħrajn. Huwa tkellem dwar l-importanza tal-monitoraġġ f’ħin reali biex tinġabar id-data sabiex iwasslu għall-interventi aktar effettivi.

Meta kien qed jitkellem dwar it-tema tal-midja soċjali, il-Ministru Abela saħaq, “Ma nistgħux ninjoraw l-impatt dejjem jikber tal-midja soċjali fuq is-saħħa mentali ta’ wliedna u l-adoloxxenti. L-isforzi tagħna għandhom jindirizzaw kemm ir-riskji kif ukoll l-opportunitajiet fl-ambjent diġitali. Irridu ningħaqdu biex inwettqu miżuri preventivi, nappoġġjaw lil dawk affettwati, u noħolqu ambjenti li jippromwovu għażliet b’saħħithom.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport