“Hekk kif Malta tikkonkludi t-terminu ta’ sentejn fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda (UNSC), il-pajjiż jirrifletti fuq terminu definit minn tmexxija bbażata fuq prinċipji, involviment multilaterali, u impenn bla heda għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali” – Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg
Bħala vuċi għall-vulnerabbli u li dejjem enfasizzat il-paċi, Malta żammet il-wegħda tagħha li tkun forza għall-ġid fuq livell globali. Matul it-terminu tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà ltaqa’ għal 560 laqgħa formali u adotta 91 riżoluzzjoni. Malta kellha rwol attiv fil-kontribuzzjoni għall-avvanz ta’ kwistjonijiet globali kritiċi, minn protezzjoni ta’ ċivili fiż-żoni ta’ kunflitt għal indirizzar tal-impatti umanitarji tal-bidla fil-klima.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, stqarr: “Malta ttemm it-terminu tagħha tal-UNSC b’sens profond ta’ kisba, wara li kkontribwiet b’mod pożittiv għall-avvanz tal-prinċipji tac-Charter tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u għall-ħarsien tal-fiduċja li ngħatat lilna mill-komunità internazzjonali. Ix-xogħol tagħna jirrifletti l-impenn dejjiemi ta’ Malta għad-djalogu, il-paċi, u l-multilateraliżmu. Minkejja li Malta qed tikkonkludi t-terminu tagħha, se nibqgħu determinati fl-impenji tagħna għall-paċi u s-sigurtà globali, lesti li nkomplu nikkontribwixxu bħala leħen għall-inklużjoni u l-kooperazzjoni fuq livell globali.”
Malta ppresediet il-Kunsill tas-Sigurtà darbtejn, u ospitat diversi dibattiti dwar kwistjonijiet kruċjali. Matul il-presidenza tagħha fi Frar 2023, Malta enfasizzat il-protezzjoni tat-tfal fil-kunflitti u l-implikazzjonijiet tas-sigurtà taż-żieda fil-livell tal-baħar. F’April 2024, taħt il-presidenza ta’ Malta, id-diskussjonijiet dwar l-aċċess umanitarju għat-tfal u s-soluzzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ għall-isfidi tas-sigurtà fil-Mediterran kisbu prominenza.
Fl-2023, Malta mexxiet ir-Riżoluzzjoni 2712 dwar il-Lvant Nofsani, li ppermettiet kurituri umanitarji u ħelsien ta’ 105 ostaġġ—kisba storika wara kważi għaxar snin ta’ nuqqas ta’ progress diplomatiku. Permezz tar-Riżoluzzjoni 2744, Malta ttrasformat il-Mekkaniżmu tal-Punt Fokali, sabiex tgħin lis-sanzjonijiet—għodda essenzjali ta’ politika barranija—iżommu l-kredibbiltà tagħhom permezz ta’ proċessi għal reviżjoni, aġġustament, jew tneħħija.
Bl-istess mod, ir-Riżoluzzjoni 2766, miktuba minn Malta u adottata reċentement fl-20 ta’ Diċembru, indirizzat lakuni fil-protezzjoni tat-tfal, kisbet kosponserizzazzjoni minn aktar minn 100 stat membru, u saħħet il-tmexxija ta’ Malta dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati (CAAC).
It-terminu ta’ sentejn ta’ Malta kien immexxi minn tliet prijoritajiet tematiċi ewlenin: it-Tfal u l-Kunflitti Armati (CAAC), Is-Sigurtà Klimatika, u Nisa, Paċi u s-Sigurtà.
Bħala Chair tal-Grupp ta’ Ħidma tas-CAAC, Malta avvanzat riżoluzzjonijiet li jindirizzaw ksur serju kontra t-tfal u ffaċilitat missjonijiet fil-qasam fiż-żoni ta’ kunflitt. Billi enfasizzat il-bidla fil-klima bħala theddida għas-sigurtà, Malta ffaċilitat djalogu dwar l-impatti globali li qed iseħħu minħabba din l-istess theddida. Barra minn hekk, Malta għolliet il-vuċijiet tan-nisa, issalvagwardjat l-irwol tagħhom fil-proċessi tal-paċi, u saħħet il-politika inklussiva madwar il-mandati tal-UNSC.