It-team nazzjonali Malti tal-Beach Soccer kiseb riżultat mill-aqwa nhar, il-Ġimgħa 25 ta’ Lulju 2025, fejn irreġistra l-ewwel rebħa tiegħu fil-Euro Beach Soccer League.
Il-logħba, li ntlagħbet kontra n-Norveġja fid-Diviżjoni B, saret fi Stabia Beach Arena, f’Castellammare di Stabia.
Taħt it-tmexxija tal-coach, Marco Casarsa, il-Maltin approfittaw mill-fatt li fit-tieni perjodu, tkeċċa n-Norveġiż, Amund Haaland Aano. Eżatt wara din it-tkeċċija Malta ħadet vantaġġ sħiħ u skorjat ftit wara permezz ta’ Joe Schembri.
It-team immexxi mill-coach Casara, kompla jibni l-momentum wara l-ewwel goal, u Daryl Micallef irdoppja l-vantaġġ ftit mumenti wara.
Għaldaqstant, il-Maltin bdew it-tielet perjodu b’vantaġġ ta’ żewġ goals u ftit wara huma komplew iżidu l-iskor b’Micallef iniżżel ismu fuq il-lista tal-iskorers. Malta kellha numru ta’ ċansijiet biex tkompli tkabbar il-vantaġġ tagħha iżda ma rnexxilhiex tagħmel dan
In-Norveġiżi għamlu reazzjoni u lejn l-aħħar u skorjaw darbtejn minn Andreas Skotheimsvik u Sebastian Haga biex naqqsu d-distakk għal skor ta’ 3-2.
Malta se timmira li ssegwi r-riżultat impressjonanti tagħha bi prestazzjoni pożittiva oħra, is-Sibt 26 ta’ Lulju, din id-darba kontra r-Rumanija, fin-12.30 pm.
L-aħħar logħba ta’ dan il-mini-tournament li se tintlagħab, nhar il-Ħadd, 27 ta’ Lulju, fil-1.15 am, se tkun kontra l-Kazakhstan.