Fil-Logħob tal-Pajjiżi Malta kisret ir-rekord ta’ kull żmien ta’ rebħ ta’ midalja b’total ta’ 48 – 20 deheb, 12 fidda, 16 bronż.
Fl-atletika, fl-400m tan-nisa, ksibna d-deheb permezz ta’ Janet Richard b’ħin ta’ 53.51 sekondi.
Gina McNamara rebħet it-tieni deheb tagħha f’dan il-Logħob meta rebħet it-tellieqa tal-1,5000m f’ħin ta’ erba’ minuti 36.81 sekondi, waqt li ż-żagħżugħa Mireya Bugeja kisbet il-fidda f’ħin ta’ 4.43.71.
Fit-triple jump Claire Azzopardi rebħet id-deheb b’qabża ta’ 12.95m b’dan ikun it-tieni deheb tagaha konsekuttiv, wara li nhar it-Tlieta rebħet id-deheb fil-long jump, waqt li Rebecca Sare temmet fit-tieni post b’qabża ta’ 12.66m, u b’hekk kisbet il-fidda u assigurajna l-45 midalja u qbiżna r-rekord ta’ 44 midalja tal-Logħob tal-Pajjiiżi ż-Żgħar li kienu saru fl-2003 ukoll f’pajjiżna.
Fil-Pole Vault, l-atleta żagħżugħ Nicolai Bonello, iben l-ex atleta leġġendarju Mario Bonello, kellu qabża ta’ 4.40m, imbagħad prova jaqbez 4.50m, iżda naqas milli jagħmel dan u ġie eliminat.
Fil-heat tal-100m hurdles, Daniel Saliba temm fit-tieni post b’ħin ta’ 15.04s u b’hekk ikkwalifika għall-finali.
Fil-finali, iżda, Daniel Saliba temm fil-ħames post.
Fil-Long Jump, Jeremy Zammit rebaħ il-fidda b’qabża ta’ 7.28m, waqt li Ian Paul Grech kiseb il-bronż b’qabża ta’ 6.86m.
Graham Pellegrini rebaħ midalja tal-fidda fil-400m meta temm fit-tieni post b’ħin ta’ 46.83 sekondi. Il-midalja tad-deheb intrebħet minn Monaco permezz ta’ Teo Andant li kiseb rekord tal-Logħob b’ħin ta’ 45.81 metru.
Matthew Galea Soler temm fil-ħames post fl-aqwa ħin personali tiegħu ta’ 48.31 sekondi.
Jared Micallef kiseb il-bronż fit-tellieqa tal-1,500m b’ħin ta’ 3.44.48.
Fit-3,000m steeplechase tal-irġiel, Luke Micallef temm fit-tielet post b’ħin ta’ 9.16.73, biex kiseb il-bronż, waqt li Dario Mangion temm fir-raba’ post.
Dan sabiex fit-3,000m steeplechase tan-nisa, Rosalie Cauchi, temmet fir-raba’ post.
DEHEB GĦAL KYLE SPITERI U GEORGIA BOHL FL-GĦAWM
L-għawwiem Kyle Spiteri ipproduċa għawma mill-aqwa fil-50m freestyle biex kiseb id-deheb f’ħin ta’ 22.68. Din kienet l-ewwel darba li Malta rebħet id-deheb f’din id-distanza.
Georgia Bohl assigurat it-tieni midalja tad-deheb għal Team Malta fl-għawm meta iffinalizzat it-tellieqa tal-100m breaststroke f’ħin ta’ 1.09.49.
Midalja oħra mit-tim tal-għawm hekk kif it-tim tar-relay medley tan-nisa tal-4×100 iffurmat minn Victoria Balderacchi Georgia Bohl, Nirvana Micallef and Mya Azzopardi kiseb il-bronż f’ħin ta’ 4.18.69.
TELFIET GĦAT-TIM TAL-IRĠIEL U TAN-NISA TAL-JUDO
Il-kompetizzjonijiet tal-judo waslu fi tmiemhom ilbieraħ bil-kompetizzjoni tat-timijiet li ntlagħbet fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport. It-tim tal-irġiel ġie megħlub mil-Lussemburgu bl-iskor ta’ 2-1.
It-tim tan-nisa sofra telfa ta’ 2-1 kontra l-Lussemburgu iżda ngħataw walk-over minn Ċipru.