Malta laqgħet il-Viżjoni tal-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-Agrikoltura u s-Sajd għas-sitt xhur li ġejjin, li ġiet preżentata waqt il-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura u s-Sajd. Il-Presidenza Daniża se tkun qed tmexxi ’l quddiem il-pjanijiet strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni għal wara l-2027, ħidma favur id-drittijiet tal-annimal kif ukoll ħidma favur settur tas-sajd sostenibbli, fost ħidma oħra.
Fl-intervent tiegħu waqt il-Kunsill, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittjiet tal-Annimal Anton Refalo stqarr li huwa kruċjali li jkomplu jiġu ssorveljati b’mod kontinwu u sistematiku l-iżviluppi tas-suq, b’enfasi fuq dawk il-fatturi li jistgħu jinfluwenzaw direttament jew indirettament il-produttività u s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu. Fid-dawl tal-isfidi globali attwali, bħall-instabbiltà ġeopolitika u sfidi klimatiċi, il-Ministru saħaq li hemm bżonn approċċ proattiv sabiex jassiguraw li l-politika agrikola tibqa’ proattiva, effettiva u mmirata bl-aħjar mod.
Il-Ministru Refalo żied jgħid li fil-kuntest ta’ pajjiżna, is-sitwazzjoni tas-suq baqgħet stabbli matul dawn l-aħħar xhur u saħaq fuq l-importanza li jkompli jsir il-monitoraġġ effettiv u l-analiżi kontinwu tas-sitwazzjoni lokali u internazzjonali sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu malajr għal kull tibdil li jista’ jaffettwa l-katina tal-provvista tal-ikel.
Ġiet ukoll diskussa l-protezzjoni tal-pjanti, fejn il-Ministru Refalo semma li pajjiżna bħala Stat Membru insulari tal-Unjoni Ewropea, taffaċċja spejjeż operattivi ogħla, speċjalment fit-trasport u l-importazzjoni ta’ materja prima agrikola u hawn saħaq li għandu jkun hemm approċċ effettiv u sostenibbli biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li tkompli tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema agroalimentari sabiex jiġu assigurati livelli għoljin ta’ sigurtà u sostenibbiltà fl-ikel.
Il-Ministru saħaq ukoll li l-proposti għall-Politika Agrikola Komuni l-ġdida għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur b’soluzzjonijiet li jkomplu jsaħħu l-produttività u s-sostenibbiltà tas-settur.
Malta laqgħet ukoll il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Ukrajna li se jiżgura aċċess għall-Ukrajna għas-suq waħdieni tal-Unjoni Ewropea li huwa sors ta’ appoġġ kruċjali għall-Ukrajna, filwaqt li se jiżgura wkoll li pajjiżna jkollu diversi sorsi oħra minn fejn jimporta l-prodotti meħtieġa.