Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ospita laqgħa f’Malta ma’ Ahmed Mateegh, id-Deputat Prim Ministru, u Mohamed Taher Siala, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Libja, nhar il-Ħadd, 23 ta’ Awwissu 2020.
Id-Delegazzjoni Libjana ltaqgħet ukoll mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazza ta’ Sant’Anton. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-aħħar żviluppi fil-Libja u l-ħtieġa li jiġu żgurati l-iżvilupp ekonomiku u l-progress soċjali tal-Libja u tal-poplu Libjan.
Il-Ministru Bartolo esprima l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għaż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-Gvern tal-Akkord Nazzjonali u l-Kamra tad-Deputati f’Tobruk biex immedjatament iwaqqfu l-attivitajiet militari kollha fil-Libja.
Iż-żewġ naħat iddiskutew fit-tul l-importanza kritika tad-djalogu inter-Libjan u l-inklużjoni tal-atturi kollha, inklużi ż-żgħażagħ u n-nisa. Ġie enfasizzat ukoll l-irwol importanti tal-Korporazzjoni Nazzjonali taż-Żejt (NOC) u tal-Bank Ċentrali tal-Libja biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u l-ħtiġijiet tal-poplu Libjan.
Matul id-diskussjonijiet, Malta tenniet ukoll l-appoġġ tagħha għal soluzzjoni politika mmexxija mil-Libja, u toffri d-disponibilità tagħha li sservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni lejn dan l-għan. L-unifikazzjoni tal-Libja tibqa’ imperattiva għal-ġid u l-benefiċċju tal-poplu Libjan. F’dan l-ispirtu, it-tkomplija tal-proċess ta’ negozjati fil-qafas tal-Proċess ta’ Berlin immexxi min-Nazzjonijiet Maqgħuda tibqa’ t-triq il-quddiem.