Friday, August 1, 2025

Malta tingħaqad mal-istati parteċipanti tal-OSCE f’konferenza biex tfakkar il-50 anniversarju tal-Ftehim ta’ Helsinki

Aqra wkoll

Il-paċi u l-istabbiltà dejjiema jistgħu jintlaħqu biss permezz tat-tmexxija morali, id-djalogu u s-sehem tas-soċjetà ċivili, speċjalment meta d-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni ekonomika u s-sigurtà jiġu indirizzati flimkien, sabiex tinħoloq prosperità u fiduċja bejn in-nazzjonijiet.

Il-Ħamis, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, indirizza l-Konferenza Helsinki+50, ospitata mill-Presidenza Finlandiża tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), f’Helsinki. Il-konferenza fakkret il-50 anniversarju tal-Ftehim ta’ Helsinki (Helsinki Final Act), il-prinċipji msejsa fuq l-għaqda li tfasslu fl-1975, u li wasslu għat-twaqqif ta’ din l-organizzazzjoni, bl-għan li jippromwovu d-djalogu u l-kunsens bejn il-pajjiżi.

“Permezz tal-Ftehim ta’ Helsinki, il-mexxejja għażlu d-djalogu minflok il-firda, u qablu fuq prinċipji li għadhom relevanti ferm, aktar u aktar f’dawn iż-żminijiet, hekk kif qed niffaċċjaw theddid ġdid u kumpless,” qal Dr Borg, b’referenza għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna—l-akbar gwerra fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn—kif ukoll għal sfidi globali oħrajn, bħat-theddid ċibernetiku u l-emerġenza klimatika.

“Il-ħila tal-OSCE li tagħti s-sehem tagħha waqt żminijiet ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi, u li toffri pjattaforma ta’ djalogu u timbotta ’l quddiem l-istabbiltà meta l-kunsens ikun dgħajjef, hija kapaċità li ma ġietx maħsuba għall-bnazzi, iżda biex issalpa f’ibħra mqallba—u din tibqa’ l-aktar valur dejjiemi u kruċjali tagħha sal-lum. Id-diplomazija msejsa fuq dak li jgħaqqadna tista’ tibni pontijiet fuq l-iktar diviżjonijiet profondi,” huwa spjega.

Id-Deputat Prim Ministru Borg qal li Malta dejjem mexxiet ’il quddiem il-ħtieġa għal impenn multilaterali aktar wiesa’, b’sinerġiji bejn reġjuni differenti. “Il-kunċett ta’ dawn is-sħubijiet huwa parti mil-legat ta’ Malta ta’ 50 sena ilu, meta insistejna fuq l-inklużjoni tal-Kapitlu dwar il-Mediterran, bħala parti mill-Ftehim ta’ Helsinki,” hu spjega. Hu kien qed jirreferi għall-insistenza tal-eks Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dom Mintoff dwar ir-rabta qawwija bejn is-sigurtà fl-Ewropa u s-sigurtà fil-Mediterran, meta kien qed jirrapreżenta lil Malta fin-negozjati tal-1975 li wasslu għall-Ftehim ta’ Helsinki.

“Iż-żmien tana raġun—tassew, is-sigurtà tal-Ewropa hija marbuta mill-qrib mal-Mediterran, kif ukoll mal-Indo-Paċifiku,” innota Dr Borg, filwaqt li żied li bħala President tas-Sħab Asjatiċi għall-Kooperazzjoni tal-OSCE, Malta qed taħdem biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’dan ir-reġjun ukoll.

Filwaqt li tkellem dwar iż-żjarat tiegħu f’diversi stati parteċipanti tal-OSCE waqt il-Presidenza Maltija ta’ din l-organizzazzjoni fl-2024, Dr Borg appella lill-pajjiżi biex jindirizzaw il-polarizzazzjoni u l-firda fis-soċjetajiet tagħhom, li tkattar l-estremiżmu u tgħawwar id-demokrazija. Huwa enfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tkun xprunata u appoġġjata. “Is-soċjetà ċivili ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet demokratiċi. Tippromwovi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u għas-saltna tad-dritt, kif ukoll għal soċjetajiet tolleranti ħielsa mid-diskriminazzjoni,” stqarr Dr Borg.

F’Helsinki, id-Deputat Prim Ministru Malti kellu taħditiet bilaterali mal-Ministru tal-Istat tar-Renju Unit għar-Reġjun Ewropew, l-Amerika ta’ Fuq u t-Territorji Barranin, Stephen Doughty. Huwa wkoll ħa sehem f’laqgħa tat-Troika tal-OSCE flimkien mal-President attwali tal-Organizzazzjoni u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Finlandja Elina Valtonen, mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin tal-Iżvizzera, Alexandre Fasel, f’isem il-Presidenza Żvizzera tal-2026, u mas-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, Feridun H. Sinirlioğlu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport