Monday, September 23, 2024

Malta tingħaqad mal-Koalizzjoni Globali għall-Inklużjoni b’impenn maġġuri għall-programmi tal-Ispecial Olympics

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti llum għamel pass importanti biex javvanza l-inklużjoni soċjali billi uffiċjalment irratifika l-impenn tiegħu mal-Koalizzjoni Globali għall-Inklużjoni tal-Ispecial Olympics bl-iffirmar ta’ ftehim għal dan il-għan.

Għal dan l-avveniment attendiet delegazzjoni mmexxija mill-President tal-Ispecial Olympics Europe Eurasia, David Evangelista u kien ippresedut mill-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jikkonferma l-ammont ta’ €600,000 bħala appoġġ għat-tkabbir tal-programmi tal-Ispecial Olympics madwar il-pajjiż. Dawn il-fondi se jkunu ta’ benefiċċju għall-Unified Sports, il-Programm tat-Taħriġ għall-Attività Motorizzata (MATP), u jtejbu inizjattivi kontinwi mmexxija minn Special Olympics Malta.

Unified Sports huwa wieħed mill-aktar programmi effettivi offrut minn Special Olympics, li jiġbor flimkien atleti b’diżabilità intellettwali u atleti oħrajn biex jilagħbu fl-istess tim. Bl-investiment ta’ Malta, Unified Sports issa se jkun disponibbli f’aktar klabbs tal-isport u ċentri komunitarji madwar il-pajjiż, u jagħmel iktar faċli għal individwi b’diżabilità intellettwali biex jipparteċipaw u jkunu parti mill-komunitajiet sportivi lokali tagħhom.

Barra minn hekk, it-tkabbir tal-Programm tat-Taħriġ għall-Attività Motorizzata (MATP) se jipprovdi individwi b’diżabilità intellettwali severa b’attivitajiet fiżiċi mfassla skont l-abbiltajiet tagħhom. Dan il-programm huwa kruċjali biex jippermetti parteċipazzjoni akbar fl-isport u titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-individwi.

Dwar dan l-impenn il-Ministru Clifton Grima qal “Il-parteċipazzjoni tagħna fil-Koalizzjoni Globali għall-Inklużjoni hija xhieda tad-dedikazzjoni ta’ Malta biex toħloq opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Aħna nemmnu li l-isport jgħaqqad in-nies, u billi ninvestu fil-programmi tal-Ispecial Olympics, mhux biss qed nagħtu għajnuna lil persuni b’diżabilità intellettwali imma qed insaħħu l-komunitajiet tagħna kollha kemm huma.”

Il-President ta’ Special Olympics Malta Dr Lydia Abela stqarret li l-fatt li Malta hija waħda mill-ewwel pajjiżi firmatarji ta’ din il-Koalizzjoni Globali għall-Inklużjoni, dan jafferma mill-ġdid l-impenn ta’ pajjiżna favur l-inklussività. Saħqet li Special Olympics Malta hija kommessa li tkompli bil-ħidma tagħha favur aktar inklussività u hawn għamlet referenza għall-inizjattivi li diġà ttieħdu fosthom li Malta kellha tim tal-Unified Sports jipparteċipa fil-Logħob Dinji tal-Olimpjadi Speċjali, kif ukoll li l-Iskola tal-Isports qed tilqa’ studenti għall-Ispecial Olympics u l-Paralympics.

Il-President tal-Ispecial Olympics Europe Eurasia, David Evangelista qal, “L-impenn ta’ Malta għall-inklużjoni jirrifletti fehim profond ta’ kemm l-isport jgħaqqad il-komunità. B’dan l-investiment fil-Unified Sports u bl-appoġġ lil persuni b’diżabilità intellettwali fl-iskejjel u fil-komunità kollha, Malta qed tgħin biex tinħoloq soċjetà aktar inklussiva. Aħna qegħdin inpoġġu l-pedamenti għal futur fejn kull individwu, irrispettivament mill-abbiltajiet tiegħu, jista’ jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà. Dan huwa ħafna aktar minn sport; huwa l-ħolqien ta’ dinja li tgħożż u tinkludi lil kulħadd”.

Bħala wieħed mill-membri tal-bidu f’dan il-ftehim, Malta qed tistabbilixxi eżempju għall-Istati Membri madwar l-Unjoni Ewropea u lil hinn, u turi li inklużjoni sinifikanti teħtieġ kollaborazzjoni bejn is-setturi u impenn b’finanzjament u appoġġ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport