Malta ġiet rikonoxxuta mill-Aġenzija Ewropea għall-Informazzjoni u l-Pariri għaż-Żgħażagħ għas-servizz ta’ informatika affidabbli, komplut u newtrali li l-Aġenzija Żgħażagħ qiegħda toffri lil din il-popolazzjoni speċifika.
Din l-aġenzija nazzjonali speċjalizzata fuq iż-żgħażagħ ingħatat il-Premju tal-European Youth Information Quality Label. Il-fatt li għandna aġenzija nazzjonali vverifikata u ċċertifikata li tagħti informazzjoni korretta u ta’ min wieħed joqgħod fuqha huwa ta’ unur għal Malta u għax-xogħol impekkabbli li tagħmel din l-istess aġenzija. Dan għaliex illum il-ġurnata, waħda mill-isfidi li jħabbtu magħhom iż-żgħażagħ hija l-aċċesibbiltà għall-informazzjoni korretta li tista’ twassalhom ’il quddiem u tgħinhom jilħqu l-quċċata f’ħajjithom.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għaraf l-importanza li nassiguraw li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għall-informazzjoni affidabbli, kompluta u newtrali hekk kif ilkoll nafu kemm iż-żgħażagħ jagħmlu użu tal-midja soċjali. “Il-ħidma sfiqa tal-ħaddiema fi ħdan l-aġenzija nazzjonali għaż-żgħażagħ qed issarraf f’ġid kemm fuq livell lokali fost iż-żgħażagħ tagħna, kif ukoll wasslet lil pajjiżna fil-quċċata Ewropea billi ksibna dan l-unur internazzjonalment. Dan is-suċċess jimlieni b’aktar kuraġġ biex permezz ta’ ħidmitna nkomplu nsaħħu l-popolazzjoni żgħażugħa ta’ pajjiżna”, sostna s-Segretarju Parlamentari Keith Azzoppardi Tanti.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma saħqet li l-Aġenzija Żgħażagħ taħdem għall-benefiċċju taż-żgħażagħ kollha u żomm l-informazzjoni li toffri bħala prijorità billi tassigura li din l-informazzjoni li taqsam tkun affidabbli u mfassla apposta biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jilħqu l-għanjiet tagħhom filwaqt li jikbru f’ċittadini attivi. “Aħna nħossuna kburin li l-ħidma tagħna ġiet rikonoxxuta mill-istituzzjoni Ewropea u ksibna rikonoxximent għax-xogħol li qegħdin nagħmlu. Ir-responsabbiltà tagħna issa hi li nkomplu nibnu fuq dak li diġà għandna biex inżommu l-unur li ġejna mgħotija,” tenniet Miriam Teuma.