Saturday, November 16, 2024

Malta tippromwovi l-EuroPride Valletta 2023 fil-Pride March fi Vjenna

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg attendiet għall-Pride March fi Vjenna, bil-għan li tkompli tippromwovi l-EuroPride Valletta 2023, li se ssir f’Malta mis-7 sas-17 ta’ Settembru. F’dan l-avveniment, li għalih kienu preżenti aktar minn tliet mitt elf ruħ, Rebecca Buttigieg kellha l-opportunità li tindirizza lill-folla b’diskors favur it-tisħiħ tad-drittijiet ċivili u l-ugwaljanza madwar l-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, is-segretarju parlamentari flimkien mad-delegazzjoni Maltija, ipparteċipaw fil-Pride March li ġiet organizzata madwar il-belt ta’ Vjenna.

Matul iż-żjara, Rebecca Buttigieg enfasizzat l-impenn ta’ Malta biex trawwem soċjetà inklużiva u ugwali. Fid-diskors tagħha, is-segretarju parlamentari spjegat il-qabża ‘l quddiem li għamlet Malta tul dawn l-aħħar snin sabiex illum tinsab fil-quċċata tal-klassifika Rainbow Index.

“Waqt Pride Month inkomplu naħdmu favur ugwaljanza fil-ħajja ta’ kuljum. Mumenti u attivitajiet bħal dawn jipprovdu pjattaforma b’saħħitha għas-soċjetà ċivili sabiex iwasslu l-messaġġ tagħhom kontra d-diskriminazzjoni li għada teżisti sal-lum, inkluż l-omofobija u t-transfobija. Bħala gvern, se nibqgħu kommessi li nassiguraw li pajjiżna jkompli jkun minn ta’ quddiem fid-drittijiet ċivili, bil-għan li nservu ta’ eżempju b’saħħtu għal kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea sabiex jimxi fuq il-passi tagħna u jilleġisla favur aktar drittijiet ċivili li jassiguraw l-ugwaljanza,” qalet is-segretarju parlamentari.

Malta se tkun qed tospita l-EuroPride 2023, f’Settembru li ġej, liema avveniment se jkun importanti fl-istorja tad-drittijiet ċivili f’pajjiżna. Wara li ġenerazzjonijiet sħaħ iffaċċjaw snin twal ta’ preġudizzji koroh, fl-aħħar deċenju Malta għamlet qabżiet impressjonanti b’riformi li jassiguraw l-ugwaljanza u bidliet li jdaħħlu l-libertà. Għaldaqstant, huwa ta’ unur li l-Ewropa għażlet lill-aqwa pajjiż fi ħdanha biex itella l-EuroPride ta’ din is-sena. B’hekk Malta se tkun qed tmexxi din il-kburija Ewropea favur l-imħabba lejn kulħadd.

Ekonomija

Sport