Monday, November 11, 2024

Malta tirċievi l-ewwel pagament ta’ €52.3 miljun taħt l-RRF

Aqra wkoll

Malta rċeviet l-ewwel pagament ta’ €52.3 miljun f’għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet dan il-pagament wara li pajjiżna wettaq il-miri u r-riformi maqbula mal- Kummissjoni Ewropea. Il-pagamenti taħt l-RRF huma bbażati fuq il-prestazzjoni u jiddependu fuq l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi deskritti fil-pjanijiet rispettivi tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza mill-istati membri.

B’kollox pajjiżna laħaq 19-il stadju u mira importanti li jinkludu miżuri importanti bħall-adozzjoni ta’ strateġija biex jitnaqqas l-iskart permezz tar-riċiklaġġ fis-settur tal-kostruzzjoni, l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ghall-uffiċini li jippermettu lill-impjegati taċ-ċivil jaħdmu bir-remote working, riformi biex tingħata spinta lir-riċerka u l- investimenti industrijali, strateġija nazzjonali kontra l-frodi u l-korruzzjoni, riformi għad-diġitalizzazzjoni tas- sistema ġudizzjarja u ħatriet ta’ mħallfin u maġistrati addizzjonali fil-Qrati ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qal li dawn il-fondi huma xhieda tal- ħidma kbira li wettqet Malta biex jiġu implimentati numru ta’ proġetti li qegħdin jgħinu b’mod konkret lill- pajjiżna. “Il-€52.3 miljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li għaddew lill-pajjiżna se nkomplu nużawhom biex inkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies u fl-istess ħin ikollna ekonomija aktar reżiljenti,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett fakkar kif f’Jannar li għadda l-President tal- Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen faħħret il-ħidma tal-Gvern Malti u tat ċertifikat pożittiv għall- ħidma u l-isforzi li wettaq pajjiżna. “Kommessi li bil-pagament ta’ €52.3 miljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza nkomplu nutilizzaw dawn il-fondi bit-twettiq ta’ aktar proġetti u investiment għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin filwaqt li nibqgħu nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn,” qal Dr Bonett.

Sport