Wednesday, April 24, 2024

Malta tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ffirma l-Istrument ta’ Ratifika għat-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Nukleari. L-istrument ġie sottomess fil-21 ta’ Settembru 2020 fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York mill-Ambaxxatriċi Vanessa Frazier, Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, f’okkażjoni kommemorattiva li matulha din l-ogħla organizzazzjoni internazzjonali ċċelebrat il-75 anniversarju mit-twaqqif tagħha u l-Jum Internazzjonali tal-Paċi.

B’hekk, Malta saret wieħed mill-ewwel 50 stat li rratifika t-trattat, li huwa n-numru minimu ta’ firem u ratifiki meħtieġa biex it-trattat jidħol fis-seħħ.

Ir-ratifika tat-trattat tiġi wkoll f’jum sinifikanti għan-nazzjon Malti hekk kif il-21 ta’ Settembru jimmarka Jum l-Indipendenza ta’ Malta.

Dan l-iżvilupp isegwi l-iffirmar tat-trattat fl-24 ta’ Awwissu 2020, meta Malta saret l-84 stat membru tan-NU li ffirma t-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari. Fost affarijiet oħra, it-trattat għandu l-għan li jikseb dinja ħielsa mill-armi nukleari li huwa wkoll prinċipju gwida tal-Politika Barranija ta’ Malta.

Ir-ratifika ta’ dan it-trattat hija xhieda tal-impenn sod ta’ Malta favor in-non proliferazzjoni nukleari u d-diżarm globali li jibqgħu kruċjali sabiex jiġi assigurat futur aktar sigur għal kulħadd u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Sport