Malta rratifikat it-Trattat tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Bijodiversità lil hinn mill-Ġurisdizzjoni Nazzjonali (BBNJ), magħruf ukoll bħala t-Trattat tal-Ibħra, it-Tnejn filgħaxija, waqt l-ewwel jum tat-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Oċean, f’Nizza, Franza.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, issottometta d-dokumenti tar-ratifikazzjoni lin-Nazzjonijiet Magħquda waqt attività speċjali dwar dan it-trattat li saret fil-marġini tal-Konferenza, sabiex saret it-38 pajjiż li daħħal fis-seħħ b’mod sħiħ dan il-ftehim ambjentali importanti.
It-Trattat dwar l-Ibħra huwa l-uniku għodda legali għall-ħolqien ta’ żoni ta’ ħarsien ambjentali fl-ibħra internazzjonali lil hinn mill-ibħra territorjali. Meta jidħol fis-seħħ, hekk kif jikseb l-approvazzjoni sħiħa ta’ 60 pajjiż, dan it-trattat ser ikollu sehem kruċjali sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 30 sat-30, li ġiet maqbula permezz tal-Qafas dwar il-Bijodiversità Globali ta’ Kunming-Montreal fl-2022, sabiex minn tal-inqas 30% tal-art u l-baħar madwar id-dinja jkunu mħarsa sal-2030.
Aktar kmieni matul il-jum tat-Tnejn, waqt il-Konferenza dwar l-Oċean, id-Deputat Prim Ministru rrappreżenta lil Malta fis-Summit ‘Lejn Mediterran b’aktar konnessjonijiet’, ospitat mill-President tar-Repubblika Franċiża, Emmanuel Macron, bis-sehem tal-mexxejja tal-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta u l-Portugall, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, l-Unjoni dwar il-Mediterran u awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħrajn relatati.
“Il-ħarsien tal-ambjent tal-baħar huwa importanti ferm fl-integrazzjoni ekonomika tagħna, bil-portijiet ta’ stati gżejjer bħal Malta jservu ta’ pilastri għall-kummerċ internazzjonali, filwaqt li jipprovdu l-impjiegi,” qal Dr Borg. Tenna l-impenn kondiviż ta’ Malta lejn it-tisħiħ tal-konnettività marittima, diġitali u anke fuq l-art, b’ħidma konġunta sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-infrastruttura u r-regolamenti tal-portijiet, kif ukoll għall-iżvilupp tal-kurituri marittimi, kemm dawk eżistenti kif ukoll li għad jistgħu jsiru.
“Aktar minn 95% tad-data diġitali globali tgħaddi minn cables sottomarini, u aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ikunu f’riskju ta’ ħsarat, diżastri naturali u theddid ċibernetiċi. Malta tappoġġa investimenti sabiex ikun hemm aktar minn dawn il-cables f’qiegħ il-baħar, sabiex insaħħu l-governanza diġitali u l-koperazzjoni fuq is-sigurtà ċibernetika,” żied jgħid Dr Borg.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-ħidmiet għall-konnettività u s-sostenibbiltà jitwettqu id f’id. “Il-Mediterran jinsab fi żmien kruċjali, fejn l-innovazzjoni u l-opportunità qed jingħaqdu mar-responsabilitajiet tagħna. Għalhekk, l-impenn tagħna flimkien li nsaħħu l-konnettività ma jistax isir a skapitu tal-azzjonijiet tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima,” hu spjega.
“Ninkoraġġixxi li lkoll kemm aħna nkomplu nibnu Mediterran li mhux biss iservi ta’ pont bejn in-nazzjonijiet tagħna, iżda jkun ukoll it-triq ’il quddiem għall-prosperità tagħna lkoll, għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” temm jappella Dr Borg.
F’Nizza, id-Deputat Prim Ministru Malti ingħaqad ukoll mal-Prim Ministru ta’ Tuvalu, Feleti Teo, u mal-Prim Ministru tal-Beliż, John Briceño, fit-tieni diskussjoni tal-World Islands Forum, bit-tema “Id-Dekarbonizzazzjoni tat-Trasport bil-Baħar”.