Tuesday, January 20, 2026

Malta tirreġistra progress sinifikanti fis-separazzjoni tal-iskart

Aqra wkoll

Malta qed tkompli tirreġistra progress sinifikanti fl-immaniġġjar tal-iskart, u tibni fuq il-momentum pożittiv li nkiseb f’dawn l-aħħar snin. Grazzi għall-impenn konsistenti kemm tal-pubbliku kif ukoll tas-settur kummerċjali, il-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart qed iħalli riżultati ċari u inkoraġġanti.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kumpless ECOHIVE fin-Naxxar, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca.

Il-pubbliku qed juri b’mod konsistenti l-impenn tiegħu għas-separazzjoni tal-iskart, u dan wassal għal tnaqqis ta’ aktar minn 30% fl-iskart imħallat. B’hekk l-iskart imħallat issa niżel għal 95.5 miljun kilogramma, meta mqabbel ma’ madwar 141 miljun kilogramma.

Fl-istess waqt, l-iskart riċiklabbli, inkluż l-iskart miġbur permezz tal-boroż griżi u ħodor kif ukoll il-ħġieġ, kompla juri riżultati pożittivi, anke meta jitqies l-impatt ta’ skemi privati bħall-introduzzjoni tal-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb (BCRS), li wkoll qed tirreġistra riżultati tajbin ħafna.

Is-separazzjoni tal-iskart organiku kompliet tiżdied minn sena għall-oħra, u fl-2025 laħqet ammont rekord ta’ 30 miljun kilogramma. Dawn ir-riżultati jirriflettu żieda fl-għarfien u fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku madwar Malta u Għawdex.

Progress sinifikanti ntlaħaq ukoll fis-settur kummerċjali, li kompla jsaħħaħ l-isforzi tiegħu fis-separazzjoni tal-iskart, b’mod partikolari wara l-introduzzjoni ta’ ħlasijiet għar-rimi ta’ skart kummerċjali.

L-iskart organiku miġbur mis-settur kummerċjali żdied minn 263,900 kilogramma fl-2022 għal madwar 6.5 miljun kilogramma s-sena li għaddiet. L-iskart riċiklabbli, inkluż il-ħġieġ, irreġistra wkoll progress sinifikanti, billi żdied minn ftit aktar minn miljun kilogramma fl-2022 għal kważi 4 miljun kilogramma fl-2025. Sadanittant, l-iskart imħallat mis-settur kummerċjali rreġistra tnaqqis marġinali iżda pożittiv ta’ 1.1% bejn l-2024 u l-2025, u issa jinsab madwar 44 miljun kilogramma. Din it-tendenza ta’ tnaqqis mistennija tkompli hekk kif il-ħlasijiet għar-rimi ta’ skart kummerċjali se jkomplu jinċentivaw prattiċi aktar sostenibbli fil-immaniġġjar tal-iskart.

“Dawn ir-riżultati juru li l-investiment li qed jagħmel dan il-Gvern fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart  qed iwassal għal riżultati tanġibbli.  L-impenn li qed juru n-nies kif ukoll is-settur kummerċjali qed iwassal għal din il-bidla, u huwa ċar li l-Pjan fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart qed jaħdem. Grazzi għal separazzjoni aħjar tal-iskart kemm mill-pubbliku kif ukoll min-negozji, matul l-aħħar ħames snin irnexxielna niddevjaw madwar 412-il miljun kilogramma ta’ skart mill-miżbliet permezz ta’ żieda fis-separazzjoni tal-iskart organiku u tar-riċiklaġġ,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca, qal “Matul l-aħħar snin, WasteServ għamlet investimenti sinifikanti fil-ħaddiema tagħha u f’infrastruttura moderna u effiċjenti għall-immaniġġjar tal-iskart. Ir-riżultati li qed naraw illum jirriflettu mhux biss dawn l-investimenti, iżda wkoll il-kooperazzjoni dejjem tikber mill-pubbliku u n-negozji. Billi naħdmu flimkien, qed nagħmlu progress sinifikanti fit-tnaqqis tal-iskart u qed inressqu lil Malta eqreb lejn ekonomija ċirkolari.”

L-iskart li qed jiġi pproċessat qed jinbidel f’riżorsi ta’ valur. Fl-2025, l-iskart organiku kollu miġbur mid-djar u n-negozji ġie mibdul f’8.5 GWh ta’ elettriku, biżżejjed biex jipprovdi l-enerġija lil madwar 1,200 dar għal sena sħiħa, kif ukoll f’kompost ta’ kwalità għolja għas-settur agrikolu Malti. L-output totali tal-iskart riċiklabbli laħaq ukoll livell rekord, b’aktar minn 23.5 miljun kilogramma ta’ materjali riċiklabbli, fosthom il-ġibs, il-ħġieġ ċatt u l-injam, fost oħrajn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport