Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici indirizza l-laqgħa tal-Ministri tal-Kultura tal-Unjoni Ewropea li qed issir f’Pariġi fuq inizjattiva tal-Gvern Franċiż, fejn saħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkompli tibni mudell ta’ finanzjament u regolamentazzjoni li jkun tassew inklussiv u jirrifletti r-realtajiet kollha tal-Istati Membri, kemm kbar kif ukoll żgħar.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-mudell verament Ewropew għandu jiċċelebra mhux biss is-suċċessi komuni, iżda wkoll jippermetti parteċipazzjoni attiva minn kull Stat Membru, irrispettivament mid-daqs tiegħu, il-ġeografija jew l-influwenza lingwistika. Huwa sostna li hekk biss il-politika kreattiva, awdjoviżiva u kulturali tal-UE tista’ tibqa’ xempju ta’ diversità, reżiljenza u demokrazija.
Waqt li rrifletta fuq il-kisbiet u d-direzzjoni futura tas-setturi awdjoviżivi u kulturali Ewropej, Dr Bonnici laqa’ l-inizjattiva biex jissaħħaħ l-impenn kollettiv lejn id-diversità kulturali, il-kompetittività u l-valuri demokratiċi. Huwa esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-promozzjoni tal-mudell Ewropew fuq pjattaformi internazzjonali bħall-Festival ta’ Cannes, u rrikonoxxa r-rwol importanti tad-Direttiva AVMS (Audiovisual and Media Services), il-programm Creative Europe MEDIA u l-isforzi nazzjonali biex jinżammu ħajjin u vibranti l-ekosistemi kreattivi tagħna.
Il-ministru enfasizza li l-mudell Ewropew għandu jirrifletti bis-sħiħ ir-realtajiet kollha tal-Istati Membri, u wissa li mingħajr mekkaniżmi mmirati biex jappoġġjaw lill-Istati iżgħar, hemm ir-riskju ta’ żvilupp mhux bilanċjat fl-ispazju kreattiv Ewropew. Huwa saħaq li s-suċċess tal-politika kulturali Ewropea għandu jkun ibbażat mhux biss fuq l-eċċellenza, iżda wkoll fuq l-ugwaljanza.
Fid-diskors tiegħu, il-ministru ppropona diversi miżuri biex jissaħħu dawn il-prinċipji. Dawn jinkludu appoġġ imfassal apposta għal operaturi fis-swieq iżgħar taħt Creative Europe MEDIA; l-inklużjoni sħiħa ta’ lingwi minoritarji u dawk anqas mitkellma fil-prijoritajiet ta’ finanzjament u distribuzzjoni Ewropej; u r-rikonoxximent ta’ ostakli strutturali li jaffaċċjaw l-ekosistemi iżgħar fl-evalwazzjoni li jmiss tad-Direttiva AVMS u fl-istudji Media Outlook.
Huwa wkoll appella biex aktar koproduzzjonijiet uffiċjali jingħataw inċentivi strutturati u ċertifikazzjoni fost l-Istati Membri, filwaqt li koproduzzjonijiet mhux uffiċjali li spiss huma essenzjali fis-swieq iżgħar jiġu rikonoxxuti għall-valur kulturali tagħhom. Barra minn hekk, saħaq fuq il-ħtieġa għal kooperazzjoni istituzzjonali aktar b’saħħitha bejn l-UE u korpi stabbiliti bħall-European Broadcasting Union (EBU) u l-Permanent Conference of the Audiovisual Mediterranean (COPEAM) u għamel appell biex jiġi stabbilit qafas ċar u komuni ta’ ċertifikat ta’ oriġini għall-produzzjonijiet awdjoviżivi Ewropej.
Il-Ministru Owen Bonnici rrikonoxxa ukoll r-rwol dejjem jikber tal-Mediterrane Film Festival li jsir f’pajjiżna bħala pjattaforma li tippromwovi d-diversità kulturali u l-ħolqien ta’ rabtiet bejn industriji awdjoviżivi u tal-films minn Stati Membri differenti u pajjiżi ġirien tal-Mediterran.
Huwa kkonkluda li Malta tappoġġja front Ewropew magħqud fuq dan is-suġġett, iżda enfasizza li l-għaqda trid dejjem timxi id f’id mal-inklużjoni.