L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport għall-Impjegati (MESA) b’kburija tħabbar il-parteċipazzjoni tagħha fil-Logħob Ewropew tal-Isport għall-Kumpaniji 2025, li saru f’Calvia, Mallorca, bejn il-25 u d-29 ta’ Ġunju. Din kienet l-10 sena konsekuttiva li fiha l-MESA rrappreżentat lil Malta f’dan l-avveniment internazzjonali.
Il-kontinġent Malti ta’ din is-sena, li kien jinkludi lill-Kumitat ta’ MESA, kien magħmul minn kważi 100 atleta li kkompetew f’ħames dixxiplini sportivi differenti. It-tim ġab lura total ta’ 18-il midalja, li jirriflettu l-impenn u l-ispirtu kompetittiv tal-parteċipanti Maltin.
L-atleti rrappreżentaw bosta kumpaniji u entitajiet lokali, fejn ikkompetew ma’ impjegati minn korporazzjonijiet internazzjonali. Fost l-aktar kisbiet notevoli, it-tim tal-bowling tal-Bank of Valletta (BoV), magħmul minn Ernest Agius, Alan Attard, Gordon Genovese u Nicholas Muscat, rebaħ midalja tal-fidda fil-Kategorija A. BoV kiseb ukoll suċċess fil- Beach Volleyball, bit-tim tan-nisa fid-doubles, magħmul minn Alison Borg u Martha Fenech, jikseb midalja tal-fidda fit-turnew Open tan-Nisa. Intant, it-tim tal-bowling tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA), li kien jinkludi lil Rene Bartolo, Simon Mizzi, Luke Mercieca u Aaron Belli, ukoll rebaħ midalja tal-fidda fil-Kategorija B.
L-avvenimenti tal-atletika u t-tlielaq fit-triq kienu ta’ suċċess kbir għall-kontinġent Malti, b’diversi atleti juru prestazzjonijiet eċċezzjonali. Aaron Mifsud mill-APS Bank kien wieħed mill-aktar li spikka, fejn kiseb ħames midalji, fosthom erba’ midalji tad-deheb fil-5000m, 1500m, 800m u fl-10K fl-Open City Run (Kategorija C), kif ukoll midalja tal-fidda fil-400m. Il-kollega tiegħu Darren Agius, ukoll mill-APS Bank, kiseb żewġ midalji tal-fidda, fil-5000m (Kategorija C) u fl-10K fl-Open City Run. David Bezzina, li rrappreżenta l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, rebaħ żewġ midalji tal-bronż fil-200m u 400m (Kategorija C). Gerald Grech, li kkompeta f’isem l-Università ta’ Malta, kiseb tliet midalji tad- deheb fil-5K fl- Open City Run (Kategorija C) u żewġ fidda fil-1500m (Kategorija C) u fil-5K fl- Open City Run (Overall). Peter Azzopardi kellu prestazzjoni tajba, fejn rebaħ żewġ midalji tad-deheb fi 800m u fil-5K (Kategorija E). Sadanittant, Caroline Ciappara kisbet midalja tal-fidda fil-5K (Kategorija C).
Fil-kompetizzjoni tal-Football 5-a-side, ħames timijiet Maltin li rrappreżentaw lill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi (CSA), Transport Malta, Wasteserv, San Vinċenz de Paul Residence (SVPR) u l-Awtorità tad-Djar, rispettivament, ikkompetew kontra 24 tim internazzjonali. Erba’ timijiet Maltin waslu sa Round of 16, b’CSA jispiċċaw fir-raba’ post, wara li tilfu l-logħba għall-midalja tal-bronż.
L-atleti Maltin kellhom ukoll prestazzjoni tajba fit-tennis, b’13-il parteċipant mir-Rinella Tennis Club jikkompetu f’diversi kategoriji.
Waqt il-waqfa f’Calvia, uffiċjali ta’ MESA ħadu sehem ukoll fil-Laqgħa Eżekuttiva u l-Assemblea Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Isport għall-Kumpaniji. Fost is-suġġetti diskussi kien hemm preżentazzjoni dwar il-World Company Sport Games li jmiss, li se jsiru f’Frederikshavn, id-Danimarka, bejn l-10 u l-14 ta’ Ġunju 2026. Il-MESA tħares ’il quddiem biex terġa’ tmexxi delegazzjoni Maltija b’saħħitha f’dan l-avveniment internazzjonali.
Fl-aħħar nett, f’isem il-Kumitat ta’ MESA, inwasslu awgurju mill-qalb u l-apprezzament tagħna lil kull atleta li kiseb midalja u lil dawk kollha li pparteċipaw u appoġġjaw dan il-vjaġġ sportiv. Il-prestazzjonijiet tagħhom għamlu lil Malta kburija fil-qasam sportiv internazzjonali għall-impjegati.