Ġimgħa wara li għall-ewwel darba fl-istorja l-agenzija Eurostat uriet li r-rata tal-impjiegi ta’ Malta hija l-aqwa waħda fl-Unjoni Ewropea, issa din il-ġimgħa kien imiss ċertifikat ieħor pożitiv għal pajjiżna.
Dan hekk kif pajjiżna tela post ieħor fil-klassifika tal-ġid nazzjonali ras għal ras tal-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja l-prodott domestiku gross meqjuż fuq kull ċittadin ta’ pajjiżna u aġġustat għal differenzi fil-prezzijiet laħaq dak tal-Isvezja. Filfatt kemm Malta kif ukoll l-Isvezja għandhom ġid nazzjonali ras għal ras li huwa 10% aqwa mill-medja Ewropea. Ta’ min ifakkar li fl-2012 il-ġid nazzjonali ras għal ras tal-Isvezja kien darba u nofs dak ta’ Malta. Wara tlettax-il sena ta’ Gvern Laburista dan id-distakk ġie totalment eliminat.
Huma biss il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Awstrija li għandhom ġid nazzjonali ras għal ras aqwa minn ta’ Malta. Malta fl-2025 kienet it-tmin ekonomija li l-aktar tiġġenera valur miżjud ras għal ras fl-Unjoni, u s-sebgħa l-aqwa fiż-żona ewro.
Mill-2012’l hawn l-ekonomija ta’ pajjiżna qabżet lil dik ta’ Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, u l-Finlandja. Meta tqis it-tkabbir ekonomiku reali ras għal ras, l-ekonomija Maltija kibret bi kwart aktar mill-medja Ewropea tul l-aħħar tlettax-il sena.
B’din ir-rata huwa mistenni li fi kwistjoni ta’ ftit snin oħra l-ekonomija ta’ pajjiżna taqbeż lil dik tal-Ġermanja, Belgju u l-Awstrija, u tiġi l-ħames l-aktar b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea.

