Wednesday, October 9, 2024

Malta titlob għal pawża ta’ prekawzjoni mit-tħaffir għall-estrazzjoni tal-minerali f’qiegħ l-ibħra internazzjonali

Il-komunità internazzjonali għandha r-responsabbiltà li tipproteġi l-ambjent tal-baħar – il-Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

Malta ngħaqdet ma’ 31 pajjiż ieħor f’koalizzjoni li qed titlob għal pawża ta’ prekawzjoni tat-tħaffir għall-estrazzjoni tar-riżorsi minerali fil-fond tal-baħar (deep-sea mining), waqt id-29 Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali dwar Qiegħ il-Baħar (International Seabed Authority), li saret f’Kingston, il-Ġamajka, fil-jiem li għaddew.

Din il-pawża ta’ prekawzjoni qed issir biex ma jkunx hemm tħaffir fil-fond tal-baħar sakemm ikun hemm qafas regolatorju b’saħħtu biex iħares dan l-ambjent naturali, u qabel ma jkun hemm biżżejjed għarfien xjentifiku biex ikunu jistgħu jsiru deċiżjonijiet infurmati.

F’kummenti dwar dan l-iżvilupp, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg qal li “qiegħ il-baħar huwa wieħed mill-akbar habitats, li fih insibu madwar miljun speċi differenti. Madankollu, l-espansjoni tat-tħaffir għall-estrazzjoni tar-riżorsi naturali fl-aktar partijiet fondi, fejn hemm bijodiversità mill-aktar fraġli, u fejn l-impatti jistgħu jkunu kbar u irriversibbli, huma theddida li qed dejjem tiżdied. Huwa għalhekk li qed ningħaqdu ma’ koalizzjoni dejjem tikber ta’ pajjiżi, xjentisti, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u kumpaniji privati li qed jitolbu għal pawża ta’ prekawzjoni minn dan it-tħaffir”.

“Il-komunità internazzjonali għandha r-responsabbiltà li tipproteġi l-ambjent tal-baħar bħala l-wirt komuni tal-bnedmin. Għad hemm ħafna nuqqas t’għarfien xjentifiku fuq l-ekosistemi ta’ qiegħ il-baħar u l-impatti li jista’ jkollu t-tħaffir għall-estrazzjoni tar-riżorsi minerali f’dawn l-ibħra fondi. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-aqwa għarfien xjentifiku għandhom ikunu fil-qalba tal-governanza ta’ qiegħ il-baħar fl-ibħra internazzjonali,” kompla jgħid il-ministru.

Id-29 Assemblea tal-Awtorità Internazzjonali dwar Qiegħ il-Baħar saret bejn it-Tnejn 29 ta’ Lulju u l-Ġimgħa 2 ta’ Awwissu. Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Awtorità Internazzjonali dwar Qiegħ il-Baħar, Vanessa Frazier.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 stabbilixxiet l-Awtorità Internazzjonali dwar Qiegħ il-Baħar biex tirregola l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tar-riżorsi minerali f’qiegħ l-ibħra internazzjonali li jaqgħu lil hinn mill-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali. Dan għaliex dawn l-ibħra fihom depożiti ta’ metalli rari, bħall-kobalt, in-nikil u l-manganiż. Sal-lum, din l-awtorità għadha approvat biss attivitajiet ta’ esplorazzjoni, iżda riċentament kien hemm diversi attentati minn xi pajjiżi u kumpaniji tal-estrazzjoni tal-minerali biex jaċċelleraw il-qalba lejn il-fażi tal-estrazzjoni, anke jekk għadhom għaddejjin in-negozjati dwar kodiċi għal dan it-tħaffir, fosthom regolamenti ambjentali, filwaqt li għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-impatti ambjentali li jista’ jkun hemm.

Sport