Friday, October 24, 2025

MALTA TKABBAR IL-POTENZJAL TAGĦHA GĦALL-INVESTIMENT BARRANI 

Aqra wkoll

Ir-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna issa stabbiliet ruħha sew tant li f’dawn l-aħħar snin kompliet tikber minn sena għall-oħra. Dan qed narawh rifless ukoll hekk kif 79 fil-mija tal-investituri jikkunsidraw lil pajjiżna bħala attraenti għall-investiment dirett barrani, li jfisser żieda notevoli ta’ 25 fil-mija fuq is-sena li għaddiet. 

L-istudju li sar mill-kumpanija Ernst and Young (EY) wera b’mod ċar kemm kif dan it-titjib irreġistrat jippreżenta rkupru kbir fis-sentiment meta mqabbel mal-aħħar snin u jenfasizza l-fiduċja f’pajjiżna bħala post b’ambjent stabbli għan-negozju. 

Nirrikonoxxu l-fatt li l-Gvern qiegħed jaħdem sabiex ikun hemm iktar investiment ta’ dan it-tip f’pajjiiżna. Quddiem dan kollu insemmu li pajjiżna stabilixxa ekonomija b’saħħitha u għalhekk il-Gvern fassal miri importanti għat-tkattir tas-suċċess ibbażati fuq il-Viżjoni 2050.

Filwaqt li ħafna mill-akbar ekonomiji fid-dinja, spiss meqjusa bħala ġganti ekonomiċi globali, esperjenzaw tnaqqis, l-istorja ekonomika ta’ pajjiżna kienet waħda ferm differenti u ħafna aktar pożittiva. Naqblu ma’ dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, li bl-addozzjoni ta’ politiki ekonomiċi progressivi, illum pajjiżna jinsab f’pożizzjoni ferm aktar attraenti għal l-investituri. 

Fil-kuntest ta’ dan, il-Gvern sab minn fejn jonfoq miljun ewro kuljum sabiex jissussidja l-prezzijiet tal-fjuwil u l-elettriku għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Spiża li l-Gvern qed jerfagħha hu u li tfisser li dawn il-flus baqgħu fil-bwiet tan-nies. 

Fid-dawl tar-realtajiet preżenti, il-Gvern qed jibqa’ jisħaq fuq l-għaqal li għandu jiggwida l-ħidma tiegħu sabiex filwaqt li jiġi attirat aktar investiment dirett barrani, dan ikun ta’ valur miżjud li joħloq impjiegi ta’ kwalità.

Għaldaqstant nilqgħu l-aħbar li bit-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 kmieni s-sena d-dieħla, il-pajjiż se jkollu strateġija komprensiva mibnija mill-poplu, viżjoni li tintrefa ‘l fuq mill-partiġġjaniżmu politiku u tistabilixxi pjan għall-prosperità fit-tul ta’ Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport