Saturday, December 21, 2024

Malta tkompli tappella biex tkun indirizzata ż-żieda fil-prezz tal-enerġija

Aqra wkoll

“Biex inħarsu l-kompetittività, irridu nindirizzaw iż-żieda fil-prezz tal-enerġija.” Dan kien l-appell ta’ Malta waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija, pożizzjoni li hija riflessa fir-rapport Draghi dwar il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea.

Dan is-suġġett kien diskuss fid-dettall hekk kif numru ta’ pajjiżi, b’mod partikolari pajjiżi li qegħdin fin-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea, qed jiffaċċjaw żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-Gvern Malti qed iżomm il-prezz tal-enerġija stabbli għall-konsumaturi għaliex jifhem l-effett negattiv li tali żidiet ikollhom fuq il-familji u n-negozji, b’mod partikolari fi gżira żgħira bħal Malta.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli sostniet li “iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija li qegħdin nerġgħu naraw fil-pajjiżi tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea turi kemm l-Unjoni Enerġetika hija vulnerabbli u kemm is-suq waħdieni tal-enerġija mhux qed jaħdem kif suppost. Għalhekk se nibqgħu naħdmu ma’ kollegi li għandhom l-istess realtà tagħna biex ikollna suq waħdieni tal-enerġija stabbli u li jiffunzjona kif suppost.”

Il-Ministru Dalli sostniet li l-prezzijiet għolja tal-elettriku jridu jiġu indirizzati bħala prijorità għaliex ipoġġu lill-pajjiżi Ewropej fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ pajjiżi terzi u b’hekk l-Unjoni Ewropea ma tibqax kompetittiva fis-suq globali. Hija spjegat li l-prezzijiet tal-enerġija jridu jiġu indirizzati flimkien ma’ inizjattivi oħrajn fit-tul li jwasslu biex il-pajjiżi jiddependu inqas mil-enerġija mhux rinnovabbli.

Fost il-proposti mressqa minn Malta hemm il-ħtieġa ta’ investimenti akbar għall-aktar interkonnessjonijiet u finanzjament akbar għal teknoloġiji li joffru flessibbiltà bħal ma’ huma battery storage kbar fost l-oħrajn. Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat ukoll l-importanza ta’ appoġġ Ewropew biex pajjiżi fil-Mediterran isaħħu interkonnessjonijiet ma’ pajjiżi oħra fin-naħa ta’ isfel tal-Mediterran. Ma’ dawn, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat il-ħtieġa li jiżdiedu aktar ir-rinnovabbli inkluż teknoloġiji offshore, li joffru aktar awtonomija lill-pajjiżi differenti.

Dan is-suġġett kien diskuss ukoll matul laqgħa tal-grupp Friends of Renewables li kien immexxi mill-Ministru Dalli flimkien mal-Ministru tad-Danimarka. Dan il-grupp ta’ pajjiżi magħmul minn 15-il pajjiż differenti ressaq il-pożizzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea dwar kif ir-rinnovabbli jistgħu jiżdiedu qabel ma’ tidħol Kummissjoni ġdida fil-ġimgħat li ġejjin.

Ekonomija

Sport