Monday, January 26, 2026

MALTA TKOMPLI TATTIRA AKTAR INVESTIMENT TA’ KWALITÀ

Aqra wkoll

Spiss nisimgħu dwar it-tkabbir ekonomiku u dwar il-fatt li r-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna stabbiliet ruħha sew tant li f’dawn l-aħħar snin kompliet tikber minn sena għall-oħra. Dan it-tkabbir ekonomiku jippermetti biex jiġu ppreżentati budgets b’saħħithom, il-pajjiż ikompli miexi ’l quddiem u b’hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. 

Waqt li ħafna mill-akbar ekonomiji fid-dinja, spiss meqjusa bħala ġganti ekonomiċi globali, esperjenzaw tnaqqis, l-istorja ekonomika ta’ pajjiżna kienet waħda ferm differenti u ħafna aktar pożittiva. Malta kompliet ukoll tkabbar il-potenzjal tagħha għall-investiment barrani. Dan qed narawh rifless ukoll mill-aħħar stħarriġ li sar mill-kumpanija Ernst and Young li wera li 79 fil-mija tal-investituri jikkunsidraw lil pajjiżna bħala attraenti għall-investiment dirett barrani.

Fid-dawl tar-realtajiet preżenti, anke minħabba t-tensjonijiet ġeopolitiċi li għaddejja minnhom id-dinja, il-Gvern Malti qed jibqa’ jisħaq fuq l-għaqal li għandu jiggwida l-ħidma tiegħu sabiex filwaqt li jiġi attirat aktar investiment dirett barrani, dan ikun ta’ valur miżjud li joħloq impjiegi ta’ kwalità.

Nirrikonoxxu għalhekk il-fatt li l-Gvern qiegħed jaħdem sabiex ikun hemm iktar investiment ta’ dan it-tip f’pajjiżna. Nilqgħu wkoll l-aħbar mogħtija mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, li pajjiżna se jkun qed jara l-ikbar investiment dirett barrani li qatt ra fis-settur tat-teknoloġija medika, magħruf aħjar bħala MedTech. B’dan il-pass, se nkomplu naraw lil pajjiżna jiddiversifika u jiggarantixxi li joffri l-aqwa opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. 

Fuq kollox, kif qal tajjeb il-Ministru Schembri, l-ekonomija hi xi ħaġa dinamika u rridu naraw li bħala pajjiż nibqgħu nkunu proattivi u nagħmlu ħilitna kollha biex niġbdu lejn pajjiżna l-aqwa investiment possibbli. 

Dan kollu jorbot mal-miri importanti li qed ifassal il-Gvern għas-snin li ġejjin. Miri li jwasslu għal aktar suċċessi bbażati fuq il-Viżjoni Malta 2050 li mistennija titnieda fil-ġimgħat li ġejjin. Viżjoni li tipprovdi strateġija komprensiva mibnija mill-poplu u li tistabbilixxi pjan għall-prosperità fit-tul ta’ Malta u Għawdex.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport