Saturday, October 11, 2025

Malta tkompli tinvesti f’akkomodazzjoni aċċessibbli u dinjituża

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-politika tal-Gvern dwar akkomodazzjoni soċjali qiegħda tagħti riżultati konkreti, b’investimenti kemm fil-bini ġdid kif ukoll fir-riġenerazzjoni ta’ proprjetajiet eżistenti. Fl-2024, tlestew 327 unità ġdida ta’ djar soċjali f’seba’ lokalitajiet differenti u r-riġenerazzjoni ta’ blokki u lifts ġiet estiża biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja għal eluf ta’ familji.

Skemi soċjali bħal Housing Benefit, First-Time Buyer u Sir Sid Darek komplew jagħtu opportunitajiet reali lil dawk li jfittxu stabbiltà jew l-opportunità li jsiru sidien ta’ darhom, filwaqt li jsaħħu l-ekonomija tal-familji u l-mobilità fis-suq tal-proprjetà.

Ma’ dan, il-Gvern daħal fi ftehim mal-Knisja għall-bini ta’ 260 residenza bi prezz affordabbli fejn tnediet il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordibbli (FAH). Id-djar, li se jinbigħ bi 30% skont mill-prezz tas-suq lil persuni bi dħul baxx sa medju, se jkunu żviluppati u ppjanati li jitlestew sal-bidu tal-2027 f’Ħal Kirkop, il-Fgura, San Ġiljan (Ta’ Giorni) u Marsaskala.

B’dan kollu, il-Gvern qiegħed jippromwovi viżjoni ċara fejn id-dar ma tkunx privileġġ iżda dritt fundamentali u fejn kull familja tista’ tgħix b’dinjità u sigurtà.

“Is-sena d-dieħla mistennija jitlestew units ġodda” – Roderick Galdes, Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Afforddibbli 

Dwar il-ħidma u x’hemm ippjanat aktar għall-akkomondazzjoni soċjali f’pajjiżna, L-ORIZZONT tkellem mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes fejn assigura li, “il-programm ta’ bini ta’ djar soċjali mhuwiex se jieqaf bl-aħħar fażi ta’ dawn 327 units. Fil-fatt, fis-sena d-dieħla mistennija jitlestew units ġodda madwar Malta u Għawdex, biex aktar familji li jinsabu fuq il-lista ta’ stennija jkollhom l-opportunità ta’ akkomodazzjoni stabbli u affordabbli”. 

Hawn semma’ kif barra l-bini ta’ djar ġodda, qiegħed isir xogħol estensiv fuq proprjetajiet qodma li kienu abbandunati jew fi stat ta’ degradazzjoni biex jerġgħu jsiru abitabbli u joffru akkomodazzjoni diċenti għal dawk li verament jeħtieġuha. Spjega kif dan mhux biss jgħin ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji, iżda wkoll jikkontribwixxi għar-rinnovazzjoni u r-riġenerazzjoni ta’ oqsma urbani li kienu mitluqin jew taħt użu.

Il-Ministru Galdes qal li, “riċentement żort l-ikbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Farruġ, mifrux fuq 10,000 metru kwadru b’investiment ta’ €40 miljun. Dan il-proġett, li jinkludi 267 appartament u 300 garaxx, qiegħed jiġi ppjanat biex jilħaq bżonnijiet differenti ta’ familji, inkluż dawk b’numru kbir ta’ membri, filwaqt li jikkonforma mal-Viżjoni Malta 2050 u jgħin direttament fl-indirizzar tal-lista ta’ stennija tal-Awtorità tad-Djar”.

Żied li fl-2024 sar rekord ta’ 550 allokazzjoni ġdida u aktar minn 12,300 familja bbenefikaw mill-iskemi differenti li joffri l-Awtorità, inkluż Nikru biex Nassistu, Deposit Guarantee, Equity Sharing, Social Loan, New Hope u Sir Sid Darek. Dawn l-iskemi mhux biss joffru djar lill-familji bid-dħul baxx jew medju, iżda jagħtu wkoll għodda u appoġġ biex il-benefiċjarji ikunu jistgħu jgħixu b’mod stabbli u sostenibbli.

“Barra minnhekk, se jibda proġett ġdid ta’ 260 dar affordabbli f’kollaborazzjoni mal-Knisja, li se jagħti opportunità lil familji li ma jikkwalifikawx għal djar tal-Awtorità biex isiru sidien ta’ darhom bi 30% irħas mill-prezz tas-suq. Dawn l-inizjattivi kollha flimkien, flimkien ma’ miżuri estensivi fuq proprjetajiet qodma u bini ġdid, jassiguraw li aktar familji jkollhom residenza stabbli, affordabbli u diċenti u qegħdin jagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ ħafna familji f’Malta u Għawdex”.

Miżuri u programmi li jgħinu lill-vulnerabbli … Għal post dinjituż fejn jgħixu

L-impatt ta’ dawn il-miżuri fuq il-ħajja ta’ persuni u familji vulnerabbli huwa profond u jidher fuq diversi livelli. Il-Ministru Galdes elenka kif, “l-ewwel nett, djar soċjali jfissru li familji li qabel kienu jħallsu kera għolja jew jgħixu f’kundizzjonijiet mhux adegwati issa għandhom spazju sigur u diċenti fejn jgħixu. Din hija bażi essenzjali għall-istabbiltà tal-ħajja għax meta tkun taf li għandek saqaf fuq rasek u mhux se titlef id-dar tiegħek minħabba diffikultajiet finanzjarji, tista’ tiffoka fuq affarijiet oħra bħall-edukazzjoni tat-tfal, il-karriera, jew saħansitra s-saħħa personali”.

It-tieni punt li semma’ huwa li dawn il-programmi jgħinu biex jiġi mnaqqas ir-riskju ta’ esklużjoni soċjali. “Ħafna drabi, familji li ma jkollhomx aċċess għal akkomodazzjoni xierqa jispiċċaw jitbiegħdu mill-bqija tas-soċjetà, ikollhom diffikultajiet fl-integrazzjoni jew saħansitra jispiċċaw fil-faqar. L-akkomodazzjoni soċjali toffri ċ-ċans li dawn in-nies ikunu parti minn komunità u jkollhom aċċess għal servizzi essenzjali bħall-iskejjel, l-isptarijiet, u t-trasport pubbliku,” kompla l-Ministru Galdes.

Barra minnhekk aċċenna għall-fatt li l-Gvern mhux biss qiegħed jibni djar ġodda iżda, qiegħed jinkludi wkoll kriterji ta’ sostenibbiltà u disinn modern jgħin biex il-familji ma jkollhomx biss saqaf iżda dar komda u diċenti li tħares ukoll lejn l-ambjent. Bini effiċjenti jfisser inqas spejjeż għall-familji fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u dan huwa ta’ għajnuna kbira għal dawk bi dħul baxx.

“Finalment,” temm il-Ministru Roderick Galdes, “dawn il-miżuri qegħdin jagħtu wkoll messaġġ ċar li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi l-isfidi ta’ ħafna ċittadini u qiegħed jieħu passi konkreti biex jindirizzahom. Dan jgħin biex tinbena soċjetà aktar ġusta u inklużiva”.

Bejgħ ta’ mijiet ta’ djar affordabbli … Skont għal persuni bi dħul minn baxx sa medju – Jake Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Djar Affordabbli

Il-Fondazzjoni għal Djar Affordabbli għandha wkoll rwol importanti biex persuni bi dħul baxx jew medju f’Malta, ikunu jistgħu jixtru saqaf fuq rashom. F’kumment li ta lil dan il-ġurnal, il-Kap Eżekuttiv ta’ din il-Fondazzjoni, Jake Azzopardi, spjega li, “l-akkomodazzjoni soċjali llum il-ġurnata hija intiża għall-aktar persuni vulnerabbli fostna. Biss l-isfidi tal-affordabbiltà tad-djar imxew lil hinn min-nies meqjusa vulnerabbli u jesperjenzawhom nies li għandhom impjiegi normali b’paga medja jew ftit inqas. Għalhekk, bħala Fondazzjoni, se nkunu qegħdin inbiegħu djar bi skont ta’ mill-inqas 30% meta mqabbla mal-prezz tas-suq. Dawn id-djar se jkunu disponibbli għall-ħaddiema, individwi u koppji bi dħul minn baxx sa medju”. 

Hawn kien qiegħed jirreferi għall-inizjattiva tad-Djar Affordabbli li permezz tagħha se jbiegħu mijiet ta’ djar affordabbli. Azzopardi elabora kif f’Mejju l-Parlament b’mod unanimu, approva t-trasferiment ta’ erba’ biċċiet art lill-Fondazzjoni mingħand l-Awtorità tad-Djar. L-artijiet huma fil-Fgura, f’Marsaskala, f’Ta’ Giorni San Ġiljan u f’Ħal Kirkop.

Minn informazzjoni li tana, dawn l-artijiet huma ta’ daqsijiet u potenzjal differenti, ilkoll fiż-żona tal-iżvilupp u lkoll maħsuba għal użu residenzjali. Erba’ artijiet li fuqhom mill-inqas joqogħdu mal-260 appartament ta’ daqsijiet differenti. Meta jinbnew dawn l-appartamenti se jkollhom prezz ridott ta’ 30% mill-prezz tas-suq kurrenti, li bejn wieħed u ieħor jiġi €50,000 ewro inqas mill-prezz li kieku jixtruh bħalissa. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport