Saturday, December 21, 2024

“Malta tkompli tirrikonoxxi l-ħtieġa għal azzjoni biex tiġi indirizzata t-theddida globali għas-saħħa pubblika tal-AMR”

Aqra wkoll

“Malta tkompli tirrikonoxxi l-ħtieġa għal azzjoni deċiżiva u rapida biex tiġi indirizzata t-theddida urġenti globali għas-saħħa pubblika tal-AMR”, saħaq il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, fi New York, waqt High-Level Meeting fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Il-Ministru Jo Etienne Abela għamel intervent f’isem Malta waqt il-Plenarja ta’ din il-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn qed jiġi rivedut il-progress dwar l-isforzi globali, reġjonali u nazzjonali dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR).

Il-Ministru Abela enfasizza l-importanza li flimkien iżommu l-momentum politiku miksub fl-aħħar xhur matul dan il-proċess u sabiex jiżguraw li dan jissarraf f’azzjoni bbażata fuq l-evidenza f’kull wieħed mill-pajjiżi msieħba.

Il-Ministru Abela saħaq li Malta tirrikonoxxi li strutturi ta’ governanza sostenibbli, effiċjenti u responsabbli fil-livelli lokali, nazzjonali, reġjonali u globali huma kritiċi għal rispons effettiv, ikkordinat u inklużiv permezz tal-approċċ ‘Saħħa Waħda’.

Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq ukoll dwar l-importanza li bħala Nazzjonijiet Uniti jkomplu jiddeterminaw it-triq ’il quddiem lejn il-kisba ta’ saħħa universali f’dan ir-rigward, sabiex tiġi indirizzata r-reżistenza antimikrobika fis-settur tas-saħħa u lil hinn minnu, sabiex iħarsu aktar ħajjiet.

“Għalkemm sar progress fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni multisettorjali dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi, huwa meħtieġ appoġġ finanzjarju u tekniku addizzjonali sabiex tissaħħaħ il-kapaċità f’kull pajjiż”, qal il-Ministru Abela.

Il-Ministru Abela esprima sodisfazzjon u laqa’ d-Dikjarazzjoni Politika li ġiet maqbula matul il-jum tal-Ħamis, fejn it-tim Malti fi New York, immexxi mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti, Vanessa Frazier, ħadem ħafna fuqha matul l-aħħar xhur. Huwa rringrazzjahom għall-ħidma importanti li wettqu fejn kienu responsabbli mill-kofaċilitazzjoni ta’ dan il-proċess flimkien mal-Ambaxxatur mill-Barbados, François Jackman, li wassal għal dan il-ftehim li għandu jipprovdi pass importanti fl-isforzi globali biex tiġi indirizzata din it-theddida.

Il-Ministru Jo Etienne Abela temm jgħid li din id-dikjarazzjoni politika għandha tintuża bħala linja bażi biex tkompli timbotta l-ambizzjonijiet biex jiġi indirizzat l-AMR, speċjalment fit-tħejjija għal-Laqgħa ta’ Livell Għoli li jmiss.

Ekonomija

Sport