Thursday, August 28, 2025

Malta tkompli toħloq ix-xogħol

Aqra wkoll

Ir-rata tal-qagħad f’kull pajjiż fid-dinja hija meqjusa bħala wieħed mill-indikaturi ewlenin ta’ kemm pajjiż huwa ekonomikament b’saħħtu jew le. Pajjiż ikompli jissaħħaħ ekonomikament u finanzjarjament meta l-akbar numru possibbli ta’ nies li kapaċi jaħdmu u li jridu jaħdmu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u minbarra li jaqilgħu il-flus għall-għajxien tagħhom, ikunu qed jikkontribwixxu biex il-pajjiż ikun jista’ jlaħħaq mal-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu u jitmexxa fl-aħjar interessi taċ-ċittadini. 

Il-Partit Laburista fil-Gvern ġab rivoluzzjoni sħiħa fid-dinja tax-xogħol fl-aħħar tnax-il sena. It-tibdil u r-riformi ippjanati kif kienu ġew imfissra fil-Manifest Elettorali “Malta Tagħna Lkoll” qabel l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2013 wettaqnihom b’suċċess fis-snin ta’ wara u llum nistgħu ngħidu li Malta għandha fost l-inqas rati ta’ qagħad fl-Unjoni Ewropea kollha u aktar minn hekk, l-inqas rata ta’ qagħad fost iż-żgħażagħ ukoll.

Infakkru li kif ġie elett il-Gvern Laburista f’Marzu tal-2013 sab ma wiċċu aktar minn 8,000 persuna jirreġistraw għax-xogħol. Dan kien kollu rizultat ta’ direzzjoni żbaljata li l-amministrazzjoni Nazzjonalista kienet tat lill-pajjiż, direzzjoni ibbażata fuq politika ta’ awsterita biex suppost jikkumbattu l-proċedura tad-defiċit eċċessiv li kienu daħluna fiha mal-Unjoni Ewropea. Żiedu t-taxxi bl-addoċċ, għollew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li sallbu lil kulħadd u staġnaw in-negozju. Barra minn hekk, wegħdu li se jnaqqsu l-ogħla taxxa mħallas minn 35% għal 25% u mbagħad qalu li ma setgħux iwettquha.

Kienu qalu li l-Partit Labruista m’għandux il-formola ekonomika biex joħloq ix-xoghol. Illum mhux talli għandna formola li toħloq ix-xogħol iżda ir-realtà l-ġdida għal pajjiżna hija li kien hemm bżonn ta’ ħaddiema barranin biex jimlew il-postijiet tax-xoghol li inħolqu għax ħaddiema Maltin m’hawnx biżżejjed. 

Fejn wasalna illum? Statistika oħra ppubblikata dan l-aħħar turi li fl-aħħar ta’ Marzu kellna f’Malta u Għawdex kważi tlett mitt elf persuna, jew aħjar 295,814 li qed jaħdmu. Din hija żjieda ta’ 3.4% fuq is-sena ta’ qabel. Żjieda oħra ta’ 8% fuq perjodu ta’ sena kienet f’dawk li huma impjiegi fuq bażi part-time. Min-naħa l-oħra l-istatistika turi li f’Diċembru tal-2012, eżatt qabel ġie xolt il-Parlament għall-elezzjoni tal-2013 f’Malta kien hawn jaħdmu 159,775 persuna. Dan ifisser li fit-tnax-il sena kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista, l-impjiegi f’Malta żdiedu b’aktar minn 135,000 post tax-xoghol. 

Wieħed irid ifakkar li ż-żieda fil-postijiet tax-xogħol wasslet biex aktar nisa daħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan ġie megħjun minn diversi inizjattivi wkoll fosthom is-servizz ta’ childcare b’xejn li huwa ta’ sostenn pożittiv ghal min irid jimraħ fid-dinja tax-xogħol filwaqt li jkun qed irabbi lit-tfal. 

Statistika maħruġa fl-aħħar ġranet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li f’Lulju li għadda kellna jirreġistraw għax-xogħol 1,012 persuna u dan huwa 106 inqas minn Lulju tas-sena l-oħra. 

Dan ma ġarax b’kumbinazzjoni. Dan seħħ b’viżjoni ċara ta’ direzzjoni ekonomika li toħloq il-fiduċja u tkattar ix-xogħol. It-triq ‘l quddiem hija li nibnu fuq is-suċċessi li kellna iżda b’kuraġġ nindirizzaw dak li hemm bżonn biex intejbu fuq dak li sar f’dawn l-aħħar snin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport