Monday, December 23, 2024

Malta tkompli ttejjeb ir-rata ta’ riċiklaġġ

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar xhur il-pajjiż għamel passi importanti fejn jidħol ir-riċiklaġġ. Għalkemm Malta tidher li fil-passat setgħet waqgħet lura fejn tidħol din il-materja, kwalunkwe trend li setgħet tidher negattiva din issa diġà ġiet indirizzata.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia waqt żjara fil-kumpless ECOHIVE flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca. 

Wara l-investiment li sar f’Lulju tas-sena li għaddiet bil-ftuħ ta’ linja ġdida ġewwa Sant’Antnin, issa l-WasteServ ħa tkun qed tinvesti maż-żewġ miljun ewro biex tiftaħ linja oħra, din id-darba mekkanizzata, ġewwa l-kumpless ECOHIVE fin-Naxxar f’binja eżistenti.

Il-Ministru spjega li din il-linja se tkun qed tipproċessa madwar 41,000 tunnellati ta’ materjal li se jkun qed jiġi sseparat permezz ta’ makkinarju apposta li ħa jkun qed jiġbor u jagħżel b’mod awtomatizzat it-tipi differenti ta’ metall, kartun u plastik. Dan imbagħad ser ikun qed jiġi mballat sabiex ikun jista jiġi mibjugħ fis-suq. 

Għaldaqstant, WasteServ għada kemm ħarġet sejħa għall-offerti għad-disinn u l-provvista ta’ dan it-tagħmir – https://www.wsm.com.mt/mt/tenders. Dan il-proġett ħa jkun qed jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea u mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ din is-sena.

“Issa wasalna fil-punt biex nikkapitalizzaw fuq dawn is-suċċessi riċenti u nkompli ntejbu l-performance b’ dan l-investiment. Dan imur id f’id mal-miri tal-istrateġija li għadu kemm ippubblika l-Gvern fuq l-immaniġġar tal-iskart li għandha twassalna għal ammont rekord ta’ riċiklaġġ, liema ammonti se jkunu qed jiġu trattati f’ impjant ġdid li għandu jiġi ikkummissjonat fl-erba’ snin li ġejjin fil-kumpless ECOHIVE,” qal Farrugia. 

Min-naħa tiegħu Richard Bilocca spjega kif dan l-investiment se jkun qed jassigura proċess ta’ separazzjoni iktar effiċjenti u li finalment jwassal għall-skart riċiklabbli ta’ kwalità superjuri b’ potenzjal ikbar sabiex dan jerġa jidħol fil-katina tal-provvista.

Il-Ministru Farrugia qal li dan l-invesitment juri l-impenn serju tal-Gvern sabiex ikompli ttejjeb il-performance ambjentali tal-pajjiż. Dan għandu jtejjeb ukoll is-sistema tal-immaniġġjar ta’ l-iskart billi jżid ir-rata ta’ riċiklaġġ.

Ekonomija

Sport