Thursday, December 4, 2025

Malta tniedi t-Tieni Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà

Pjan li jiżgura li l-ilħna tan-nisa jinstemgħu ferm aktar – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg nieda uffiċjalment it-Tieni Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali (PAN) ta’ Malta dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (NPS), l-Erbgħa filgħodu. 

Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali 2025–2030 itenni l-impenn ta’ Malta għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ħidma għall-paċi, u l-ħarsien tan-nisa u l-bniet f’kull qasam tas-soċjetà, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Ibbażat fuq il-kisbiet tal-ewwel PAN, li kien tħabbar fl-2020, it-tieni wieħed jistabbilixxi aġenda ħolistika bi qbil mar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, u riżoluzzjonijiet oħra sussegwenti. Din ir-Riżoluzzjoni tagħraf li n-nisa u l-bniet huma milquta’ ferm aktar minn oħrajn mill-kunflitti, fosthom anke b’każi ta’ vjolenza sesswali f’żoni ta’ kunflitt. Fl-istess waqt, ir-Riżoluzzjoni tisħaq li n-nisa għandhom irwol kritiku fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fil-ħidma għall-paċi, fil-medjazzjoni u fil-governanza. Huwa għalhekk li t-tieni PAN ta’ Malta jintroduċi miżuri inklussivi mfassla biex isaħħu r-rwol ta’ Malta fit-twettiq tal-aġenda NPS, hekk kif jagħti prijorità lil erba’ pilastri ewlenin – il-promozzjoni ta’ din l-aġenda, il-prevenzjoni, il-parteċipazzjoni, u l-għajnuna u l-irkupru.

Id-Deputat Prim Ministru Borg spjega kif mill-esperjenza fit-twettiq tal-ewwel NAP, Malta qed tpoġġi quddiemha aġenda ambizzjuża, iżda fattibbli, biex twettaq l-impenji globali tagħha u tistinka għal futur b’aktar ġustizzja, ugwaljanza u paċi. “It-Tieni PAN jiżgura li l-ilħna tan-nisa jinstemgħu ferm aktar, u li jwassal għal bidliet li verament jagħmlu differenza, ibbażati fuq kollaborazzjonijiet inklussivi bejn entitajiet differenti tal-Gvern, l-akkademiċi, is-soċjetà ċivili, rappreżentanti taż-żgħażagħ u għaqdiet mhux governattivi, sabiex insostnu l-mira tagħna li naħdmu b’għaqda flimkien, bħala gvern sħiħ u bħala soċjetà waħda,” hu stqarr.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin żviluppa t-Tieni PAN permezz ta’ konsultazzjonijiet wiesgħa ma’ entitajiet governattivi, il-korpi dixxiplinati, għaqdiet tas-soċjetà ċivili u l-akkademiċi, li wkoll ħadu sehem fit-tnedija tal-Pjan, l-Erbgħa filgħodu.

Dr Alexandra Schaerrer, mill-Università ta’ Malta, spjegat li l-miri ewlenin tat-Tieni PAN jinkludu t-tisħiħ tal-impenn kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, aktar appoġġ għal sehem in-nisa fil-qasam tal-paċi u sigurtà, u t-trawwim ta’ kollaborazzjonijiet strateġiċi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili. Jindirizza wkoll sfidi ġodda bħall-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru ffaċilitata b’mezzi teknoloġiċi, ir-rikonoxximent ta’ vulnerabiltajiet intersezzjonali, u l-ixprunar taż-żgħażagħ u immigranti nisa.

It-Tieni Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali ta’ Malta dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà jinsab fuq https://foreign.gov.mt/publication-wps-actionplan-2025-2030/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport