Il-Malta Weightlifting Association organizzat b’suċċess il-Malta International Open matul tmiem il-ġimgħa, b’parteċipazzjoni ta’ atleti mir-Romanija, il-Greċja, l-Albanija, Sqallija, l-Irlanda, il-Bożnija u Ħerzegovina, il-Belġju u Malta.
L-atleti Maltin kisbu riżultati eċċellenti f’diversi kategoriji differentin bl-aqwa tkun ta’ Tenishia Thornton. Fil-kategorija tan-Nisa Seniors, Thornton produċiet kompetizzjoni perfetta fejn temmet sitt lifts suċċessivi minn sitt tentattivi u għalhekk rebħet l-ewwel post b’total ta’ 203kg u 259 punt. Warajha spiċċat l-atleta mill-Belġju b’257 punt u l-Maltija Roberta Tabone b’247 punt. Thornton ġiet ukoll inkurunata bħala l-Aqwa Atleta Overall tal-kompetizzjoni.
Riżultat ieħor mill-aqwa ġie minn Rylee Borg, li rebaħ il-kategorija Under 20 b’total ta’ 280kg u skor ta’ 346 punt. Borg kiseb ukoll l-ogħla punti fil-kategorija Seniors, fejn spiċċa t-tieni overall wara r-Romanija b’353 punt. Warajh ġew żewġ atleti promettenti oħra, Luke Stefan Micallef b’321 punt u Nathaniel Fenech b’314 punt. Micallef stabbilixxa wkoll rekords nazzjonali ġodda fil-kategorija ta’ 65kg.
Fil-kategorija tan-Nisa Under 20, Malta reġgħet telgħet fuq l-ogħla tarġa tal-podju permezz ta’ Kim Camilleri Lagana, li tellgħet total ta’ 165kg u kisbet 239 punt. Warajha spiċċat il-Greċja b’225 punt, filwaqt li t-tielet post mar għand Malta permezz ta’ Kenzy Geriwa.
Fil-kompetizzjoni tal-Irġiel Under 17, Nathan Mifsud kiseb it-tielet post b’total ta’ 219kg u 328 punt. L-ewwel post mar għand ir-Romanija, segwita min-Sqalijja.
Riżultati oħra pożittivi ġew minn Emily Livori, li rebħet il-kategorija Under 15 tan-Nisa, segwita min Mia Sant u Cayenne Mizzi. Thea Demanuele, li kisbet it-tielet post fil-kategorija Under 17 tan-Nisa. Fil-kategorija Under 15 tas-Subien, Mattias Mifsud kiseb ir-raba’ post rispettabbli.
Il-konsistenza ta’ Malta f’dawn il-kategoriji kollha dehret ukoll fil-klassifika tat-timijiet, magħmula minn tliet irġiel u tliet nisa, fejn Malta spiċċat fl-ewwel post b’total ta’ 1,740 punt. It-tim rebbieħ kien magħmul minn Tenishia Thornton, Roberta Tabone, Kim Camilleri Lagana, Rylee Borg, Luke Stefan Micallef u Nathan Mifsud. Sqallija spiċċat fit-tieni post b’1,583 punt, filwaqt li l-Irlanda temmet fit-tielet post b’1,387 punt.
Dan l-avveniment kien pass ieħor importanti għal Malta Weightlifting kemm f’termini ta’ organizzazzjoni kif ukoll ta’ suċċess kompetittiv f’pajjiżna.
Din il-kompettizzjoni ma setgħetx tkun possibli mingħajr l-għajnuna kontinwa ta’ Sportmalta, il-Kumitat Olimpiku Malti u Visit Malta.

