L-EBU (European Boxing Union) iċċelebrat il-75 anniversarju mit-twaqqif tagħha bl-Assemblea Ġenerali li saret f’lukanda ewlenija fil-Mellieħa.
F’dan l-avveniment kien preżenti wkoll il-president tal-EBU Peter Stucki li laqqa’ d-delegati li kienu ġejjin minn 43 pajjiż differenti.
Kien hemm diversi suġġetti li ġew diskussi f’din il-laqgħa fosthom il-projbizzjoni tal-atleti mir-Russja u l-Belarus li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-EBU, l-evalwazzjoni ta’ uffiċjali mill-pajjiżi parteċipanti li jagħmluha ta’ judges, referees u supervisors u anke miżuri kontra d-doping.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-president tal-Malta Boxing Association Marc James li laqa’ lil dawk preżenti u rringrazzja lill-EBU tal-fiduċja li tat lil Malta sabiex torganizza dan l-avveniment.
Kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Isport Graham Bencini li għandu għal qalbu dan l-isport u li ġie ppreżentat b’ċintorin uffiċjali tal-EBU.
Fi tmiem il-laqgħa, il-president tal-EBU Peter Stucki qal li f’dawn il-75 sena li għaddew, din l-organizzazzjoni dejjem ħadmet sabiex tixxerred il-popolarita’ ta’ dan l-isport fl-Ewropa filwaqt li timxi mar-regoli tal-fair play.