Thursday, September 25, 2025

Malta tospita l-ewwel konferenza għall-pajjiżi Mediterranji dwar iż-żieda fil-livelli tal-baħar

Aqra wkoll

Rappreżentanti minn pajjiżi madwar il-Mediterran ingħaqdu f’Malta għall-ewwel laqgħa teknika dwar iż-żieda fil-livell tal-baħar fir-reġjun. B’kelliema minn diversi organizazzjonijiet, fosthom l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-IRENA u l-Bank Ewropew tal-Investiment, il-konferenza serviet biex kienet diskussa t-theddida taż-żieda fil-livelli tal-baħar kawża tat-Tibdil fil-Klima, kif ukoll kif jistgħu jittieħdu azzjonijiet konġunti biex tkun indirizzata din l-isfida. 

Il-konferenza ddiskutiet is-sigurtà tal-ilma u l-ikel, l-enerġija, l-infrastruttura kritika, is-sostenibbiltà, u l-ekonomija blu, u kienet ukoll l-ewwel pass għal iktar kollaborazzjoni dwar is-suġġett. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Dr Miriam Dalli appellat għal pjattaforma li tipprovdi strateġija tanġibbli biex ikun indirizzat it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.

Meta tkelmet dwar il-ħtieġa ta’ pjan għar-reġjun Mediterran, il-Ministru Dalli ħeġġet lill-pajjiżi biex jaħdmu flimkien. “L-ebda stat kostali ma jista’ joħloq waħdu s-soluzzjonijiet għal sfidi bħal dawn. Il-Mediterran huwa reġjun li qed jiffaċja diversi riskji u għalhekk is-soluzzjonijiet iridu jiġu żviluppati mill-pajjiżi flimkien biex nipproteġu lin-nies tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru emfasizzat li Malta qed tiżviluppa pjan nazzjonali ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, li jinvolvi s-sħab soċjali sa mill-bidu. 

Inġ. Abigail Cutajar, Kap Eżekuttiv tal-Climate Action Authority, ukoll emfasizzat li r-reżiljenza m’għandhiex titqies biss bħala kwistjoni nazzjonali. “Il-koordinazzjoni reġjonali hija kruċjali. Il-pajjiżi m’għandhomx sempliċiment jirreaġixxu f’iżolament iżda għandhom jaqsmu l-informazzjoni, ifasslu b’kollaborazzjoni l-protokolli ta’ emerġenza, u jipprevedu xenarji b’kollaborazzjoni. Sistemi ta’ twissija bikrija, konnessjonijiet aktar b’saħħithom, enerġija aktar nadifa, u fuq kollox, solidarjetà reġjonali mhumiex għażla; dawn jikkostitwixxu l-unika triq vijabbli ‘l quddiem,” iddikjarat l-Inġ. Cutajar. Hija emfasizzat li r-reżiljenza mhijiex biss dwar kif nilqgħu għad-diffikultajiet li jinqalgħu iżda wkoll dwar kif jiġu evitati. 

Min-naħa tagħha, il-Prof. Simone Borg, Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Azzjoni dwar il-Klima u President tal-Kunsill Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Klima, qalet: “Permezz ta’ diskussjonijiet tekniċi u l-mod kif qed naqsmu l-esperjenzi, il-konferenza timmarka l-bidu ta’ proċess biex tinbena r-reżiljenza u jiġi mħares il-futur tal-Mediterran.” 

Kien preżenti wkoll Grammenos Mastrojeni, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran. Meta rringrazzja lil Malta għall-inizjattiva, qal, “li nitrattaw iż-żieda fil-livell tal-baħar mhuwiex biss dwar il-protezzjoni tal-kosti; huwa dwar li nħarsu l-għajxien, li nindirizzaw id-diżugwaljanzi reġjonali, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fuq il-fruntieri.” 

Il-konferenza ‘Med Action Addressing Rising Seas’ kienet organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u Ndafa Pubblika u l-Climate Action Authority, b’kollaborazzjoni mal-Unjoni għall-Mediterran.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport