Sunday, November 24, 2024

Malta tospita l-Offshore Racing Congress; 38 dgħajsa minn 12-il pajjiż differenti f’pajjiżna

Aqra wkoll

Għal darb’oħra, Malta se tkun qed tospita l-Offshore Racing Congress. 38 dgħajsa minn 12-il pajjiż differenti se jkunu qed itellqu bejn is-26 ta’ April u l-1 ta’ Mejju. L-ospitanti għal din is-sena se jkunu r-Royal Malta Yacht Club, bl-avveniment organizzat mill-Offshore Racing Congress, il-Malta Sailing Federation u Yachting Malta. Matul dawn it-tlielaq se jieħdu sehem total ta’ 9 dgħajjes b’ekwipaġġ Malti.

Fit-tnedija ta’ dan il-kampjonat Ewropew, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia tkellem dwar l-impenn tal-gvern biex ikompli jagħmel minn pajjiżna l-ġuriżdizzjoni tal-għażla fil-qasam marittimu, partikularment fin-niċċa tal-ibburdjar. Huwa fisser kif pajjiżna għandu l-kapaċità jiżviluppa f’hub ewlieni tal-ibburdjar fil-Mediterran.

Il-ministru spjega li pajjiżna, għall-ewwel darba, se jkollu l-ewwel politika nazzjonali dwar il-jottijiet u s-superyachts. Din se tgħin biex ikomplu jikkonsolidaw il-preżenza Maltija f’din l-industrija dinjija kif ukoll iżżid ir-rikonoxximent bħala l-pajjiż bl-akbar reġistru tal-vapuri fl-Ewropa u destinazzjoni popolari tal-jottijiet fil-Mediterran.

“Avvenimenti bħal dawn ikomplu jgħinu lil pajjiżna jtejjeb ir-reputazzjoni internazzjonali tiegħu f’dan is-settur. Tul l-aħħar ħames snin, in-numru ta’ dgħajjes ta’ aktar minn 24 metru rdoppja. Dan huwa testment b’saħħtu għall-mod kif pajjiżna qiegħed iħares lejn din l-industrija. Permezz tal-ewwel politika nazzjonali, li qiegħda fl-aħħar stadji tagħha, se nkomplu nikkonsolidaw proprju dan”, tenna l-Ministru Aaron Farrugia.


Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta Michael Mifsud fisser l-importanza ta’ dan il-kampjonat għal pajjiżna. “Dawn il-kampjonati huma ta’ livell għoli ħafna minħabba l-prestazzjoni għolja ta’ uħud mill-parteċipanti. Dawn il-kampjonati se jkunu qed iħallu impatt ekonomiku tajjeb ħafna minħabba li dawn ġabu f’pajjiżna madwar 400 atleta,” temm jgħid is-Sur Mifsud.

Sport