L-isfida tat-traffiku fl-ibliet Ewropej speċjalment f’pajjiżi fejn il-popolazzjoni hi densa tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja, tal-konnettività, il-kummerċ, u toħloq sfidi soċjali u ta’ saħħa mentali. Dawn jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod kollettiv. Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt laqgħa Informali tal-Ministri għat-Trasport f’Barċellona.
Il-Ministru Farrugia saħaq fuq l-importanza ta’ monitoraġġ mill-qrib tat-traffiku u l-impatt tiegħu fuq is-soċjetajiet tagħna. “Matul din il-laqgħa, ħassejna l-ħtieġa li nqajmu l-kwistjoni tat-traffiku u l-impatt li jġib miegħu fuq l-aġenda tal-ministri għat-Trasport tal-Unjoni Ewropea. It-traffiku għandu mpatt dirett fuq kwalunkwe ekonomija, l-kummerċ u l-konnettività tagħha. Diversi studju juru wkoll korrelazzjoni diretta bejn it-traffiku u s-saħħa mentali.
Għal dan il-għan, imbarkajna fuq pjan ambizzjuż biex nipprovdu lin-nies tagħna soluzzjoni realistika għall-karozzi personali. It-trasport pubbliku jista’ ma jaħdimx il-ħin kollu għal kulħadd, iżda ċertament qed joffri alternattiva. Ninsabu impenjati biex inkomplu nżidu l-frekwenzi tal-karozzi tal-linja, filwaqt li fl-istess ħin nimplimentaw proġetti akbar bħall-ewwel korsiji ta’ mobilità attiva f’Malta permezz ta’ investiment ta’ €35 miljun u infrastruttura tat-toroq aħjar.”