Tuesday, December 10, 2024

Malta ttejjeb il-pożizzjoni tagħha fl-indiċi Ewropew dwar l-ugwaljanza

Aqra wkoll

Malta avvanzat għat-13-il post fl-indiċi Ewropew dwar l-ugwaljanza tal-ġeneru li jinħareġ wara riċerka li issir mill-Istitut Ewropew dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru. Is-sena li għaddiet Malta kienet klassifikata fl-14-il post f’dan l-indiċi li jirrappreżenta 27 pajjiż.

Maħdum fuq l-informazzjoni tal-2022, jirriżulta li Malta kienet l-iktar pajjiż Ewropew li tejjeb il-prestazzjoni tiegħu fil-punteġġi ta’ dan l-indiċi b’żewġ punti punt tlieta għal 70.1 minn 100 punt.

B’mod konsistenti mill-2010 ’l hawn, Malta kellha titjib sinifikanti u notevoli f’dan l-indiċi  b’avvanz li kien ta’ aktar min 15-il punt, li huwa t-tieni l-ogħla fost il-pajjiżi Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg innutat b’sodisfazzjon it-titjib fil-punteġġi li Malta kellha f’diversi setturi li jitkejlu f’dan l-indiċi.

Hija qalet li l-akbar titjib seħħ għaliex żdiedet ir-rappreżentanza tal-mara fil-qasam politiku wara li fl-elezzjoni tal-2022 beda jitħaddem il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru biex żdiedu id-deputati nisa fil-Parlament.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan it-titjib fl-indiċi kejjel avvanzi oħra li n-nisa Maltin għamlu fl-ugwaljanza. Żiedet tgħid li l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneru taħseb għall-azzjonijiet oħrajn li għandhom jittieħdu fuq livell nazzjonali ħalli Malta tkompli tagħmel progress u tkun mal-ewwel għaxar pajjiżi f’dan l-indiċi.

Ekonomija

Sport