Saturday, May 10, 2025

Malta ttenni l-appoġġ tagħha lill-poplu Ukren, tingħaqad mas-sejħa għal waqfien mill-ġlied

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg tenna l-appoġġ ta’ Malta lejn il-poplu Ukren, waqt laqgħa speċjali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-UE, fl-Ukrajna, f’Jum l-Ewropa.

Il-Ġimgħa, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE għamlu ġurnata f’Lviv, b’turija ta’ solidarjetà mal-Ukrajna, hekk kif dan il-pajjiż ikompli jiddefendi lilu nnifsu mill-aggressjoni Russa. Dr Borg u l-Ministri l-oħra tal-UE żaru l-Field of Mars, fiċ-Ċimiterju ta’ Lychakiv, fejn poġġew fjuri u xemgħat fi ħdan dan il-mafkar iddedikat lill-vittmi Ukreni tal-gwerra f’dawn l-aħħar tliet snin.

Waqt il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, id-Deputat Prim Ministru Malti faħħar il-progress tal-Ukrajna fl-aġenda ta’ riformi tagħha, minkejja d-diffikultajiet tal-gwerra. “Aħna ntennu t-twemmin tagħna li t-triq tal-Ukrajna lejn is-sħubija fl-UE hija waħda mill-aqwa garanziji ta’ sigurtà, prosperità u reżiljenza għal dan il-pajjiż, kif ukoll għall-istabbiltà fl-Ewropa,” hu qal.

Fi stqarrija wara l-laqgħa, l-UE, flimkien mal-Ukrajna u msieħba internazzjonali oħrajn, fosthom l-Istati Uniti, sejħu lir-Russja għal waqfien mill-ġlied sħiħ u bla kundizzjonijiet għal mill-inqas 30 jum, sabiex tittaffa t-tbatija ta’ dawk maqbuda f’din l-aggressjoni, u jinfetaħ il-bieb għal sforzi ġenwini lejn paċi ġusta u dejjiema.

Dr Borg indirizza wkoll laqgħa ministerjali tal-Koalizzjoni għat-Twaqqif ta’ Tribunal Speċjali għar-Reat ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna. Il-41 stat f’din il-koalizzjoni, fosthom Malta, iffirmaw l-Istqarrija Lviv, sabiex jikkonfermaw l-appoġġ sħiħ tagħhom għal dan it-Tribunal Speċjali, filwaqt li enfasizzaw l-irwol tiegħu sabiex issir ġustizzja billi jinżammu responsabbli dawk li għandhom l-aktar xi jwieġbu għar-reati internazzjonali mwettqa kontra l-Ukrajna.

Aktar kmieni din is-sena, l-esperti legali ta’ din il-Koalizzjoni temmew ix-xogħol tekniku fuq id-dokumenti meħtieġa għat-Tribunal, li se jiġi stabbilit fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa. F’dan ir-rigward, Malta sostniet l-impenn tagħha li tiffaċilita t-tnedija u l-operat ta’ dan it-Tribunal Speċjali waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa 2025, li se tibda dan ix-xahar.

“Ma jistax ikun hemm paċi mingħajr ġustizzja, u lanqas jista’ jkun hemm ġustizzja mingħajr kontabilità. Huwa biss meta nżommu lill-individwi u s-sistemi responsabbli li nistgħu verament inwittu t-triq għal paċi ġusta u dejjiema. Il-vuċijiet tal-vittmi għandhom jibqgħu fil-qalba ta’ kull proċess ta’ kontabilità. Irridu li dan it-Tribunal iwassal il-ġustizzja lil dawk kollha li sofrew it-tbatijiet ta’ din l-aggressjoni,” stqarr id-Deputat Prim Ministru Borg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport