Friday, November 15, 2024

Malta twaqqaf l-istruttura meħtieġa għall-aċċess għall-Infrastruttura Ewropea fir-Riċerka Xjentifika fuq il-Patrimonju

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ippreseda l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim bejn l-entitajiet Maltin midħla fil-qasam tal-patrimonju Malti li se jkunu qed jiffurmaw il-‘Malta National Node’ tar-‘Research Infrastructure for Heritage Science’ (E-RIHS). L-E-RIHS tikkonsisti fi sħubija ta’ 13-il pajjiż bħala membri fundaturi, inkluża Malta, u tinvolvi aktar minn 100 istituzzjoni tax-xjenza tal-wirt mill-Ewropa kollha. Il-‘Malta National Node’ tal-E-RIHS Malta se jikkonsisti f’dawn l-entitajiet: il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, Heritage Malta, id-Direttorat tar-Restawr, l-Arkivji Nazzjonali, Malta Libraries, disa’ dipartimenti u fakultajiet tal-Università ta’ Malta, il-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Il-Ministru Bonnici stqarr li, “Dan il-ftehim hu pass importanti biex iniedi t-triq għal kollaborazzjoni sħiħa fil-qasam tal-patrimonju u r-riċerka  f’qafas Ewropew li qed jitwaqqaf apposta bl-għan li jsaħħaħ u jifrex l-użu tax-xjenza f’dan is-settur tant importanti.” Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Joyce Dimech tat dettalji tal-proċess u l-ħidma li saret sabiex entitajiet attivi fil-qasam tal-patrimonju Malti għarfu mhux biss jikkollaboraw bejniethom iżda, flimkien mal-Università ta’ Malta laħqu ftehim formali bl-għan aħħari jkun il-ġid tal-wirt nazzjonali tagħna. Hija semmiet ukoll kif is-sħubija f’infrastruttura ta’ riċerka bħalma hi l-E-RIHS ser tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni fuq livell Ewropew.

Din l-infrastruttura tar-riċerka pan-Ewropea tappoġġja r-riċerka dwar ix-xjenza tal-wirt, li tinkludi l-interpretazzjoni, il-preservazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-ġestjoni tal-wirt, b’missjoni li tagħti aċċess lir-riċerkaturi tal-wirt għal għarfien espert, data, laboratorji, tagħmir u faċilitajiet ta’ livell għoli. L-għan huwa li faċilitajiet Ewropej ewlenin fid-dinja jiġu integrati f’organizzazzjoni bi rwol ewlieni fis-settur tax-xjenza tal-wirt globali, li tingħaqad flimkien komunità trans-dixxiplinarja ta’ riċerkaturi u utenti, li tappoġġja l-avvanzi fix-xjenza tal-wirt permezz ta’ networking, innovazzjoni, taħriġ u edukazzjoni.

Il-konsorzju E-RIHS għalhekk jippromwovi prattika tajba fir-riċerka dwar il-wirt u jiżviluppa jew javvanza metodi mfassla biex jirrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-assi tal-wirt kulturali, kemm jekk materjali jew diġitali: oġġetti, kollezzjonijiet, bini u siti.

Ekonomija

Sport